Numru ta’ Deputati Nazzjonalisti stqarrew ma’ The Times li kienu xxukkjati meta saru jafu bir-riżenja ħabta u sabta ta’ Marthese Portelli minn Deputat Nazzjonalista.
Mat-Times, Deputat veteran Nazzjonalista stqarr li ma kienx jagħmel sens li bħall-Erbgħa fost il-ġimgħa, Portelli sparixxiet mill-attivitajiet kollha relatati mal-Parlament u tal-Partit.
“Xi ħaġa hemm fin-nofs”, saħaq id-Deputat veteran Nazzjonalista.
Ftit tal-ġimgħat wara li ħabbret ir-riżenja tagħha, Marthese Portelli, li sa ftit xhur ilu kienet ir-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-bord tal-awtorità tal-ippjanar assumiet l-kariga ta’ direttur ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.
Mal-ġurnalist tat-Times Portelli xejjnet għidut li kellhom sorsi tal-Partit Nazzjonalista li xi persuni kellhom materjal kompromettenti tagħha li jorbotha mas-settur tal-kostruzzjoni. Hawnhekk hija stqarret li din hija storja frivola vvintata minn persuni li ma jagħmlu xejn għajr li jitfgħu t-tajn.