Ftit sigħat qabel il-vot li se jittieħed fil-Parlament illejla dwar l-emendi fil-liġi tal-IVF, li se jaraw aktar persuni jsiru ġenituri, bosta deputati Nazzjonalisti kienu viżibbilment skomdi quddiem il-mikrofonu ta’ ONE News dwar il-possibilità li jitlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalista sabiex jiġi diskuss li jingħata l-vot ħieles.
Lejliet il-vot, ONE News staqsa lid-deputati Nazzjonalisti barra l-binja tal-Parlament dwar jekk għandux jitlaqqa’ l-grupp parlamentari Nazzjonalist sabiex jiġi diskuss vot ħieles, hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa numru ta’ deputati Nazzjonalisti talbu vot ħieles.
Ma’ ONE News, id-deputati Nazzjonalisti dehru mifxulin quddiem din l-intensifikazzjoni tal-qasma fil-Partit Nazzjonalista.
Intant, meta mistoqsija dwar id-differenza fl-opinjonijiet u l-firda li ġabet magħha din il-kwistjoni tal-IVF fi ħdan il-partit ta’ Bernard Grech, deputati oħra qalu li din il-firda, li ġiet innutata minn diversi gazzetti indipendenti, ma teżistix.