Id-Deputat Nazzjonalista Mario Galea ħareġ għonqu jiddefendi lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Il-gazzetta It-Torċa żvelat li l-każ skandaluż tal-esproprazzjoni tal-art tal-Fekruna jinsab taħt il-lenti tal-Pulizija għall-mod li bih ingħatat l-art pubblika lil persuna qrib il-partit nazzjonalista. Dan b’kuntratt iffirmat erbat ijiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Il-gazzetta żvelat li l-Pulizija ilha ġimgħat sħaħ tinvestiga l-mod kif saret l-esproprazzjoni u tpartit tal-art tal-Fekruna taħt ir-responsabilità tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Iżda d-deputat Nazzjonalista Mario Galea qal li ma jemminx li Azzopardi għandu jirrizenja. Dan il-każ ġie investigat mill-awditur ġenerali u tefa’ dubji kbar dwar kif sar dan il-ftehim skandaluż propju ftit qabel mal-partit Nazzjonalista niżel mill-Gvern. Dan bil-konsegwenza li l-pajjiż tilef aktar minn €1.2 miljun.
Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi beda jindaga dan il-każ fuq talba tar-rappreżentanti tal-gvern fuq il-kumitat li fih ħareġ li minkejja li Azzopardi kellu parir mill-Kummissarju tal-Artijiet biex ma jmurx għal dan il-ftehim, Azzopardi qaleb ta’ taħt fuq il-parir li kellu mill-kap tad-dipartiment tiegħu u xorta waħda mar għal dak il-kuntratt.
Quddiem dan l-aġir irresponabbli ta’ Jason Azzopardi, spikka s-silenzju tad-Deputati Nazzjonalisti.
Mill-investigazzjoni li saret irriżulta wkoll li Azzopardi baqa’ għaddej bil-ftehim minkejja li l-eks Ministru Mario de Marco li kien responsabbli mid-Dipartiment tal-Artijiet ma tax il-kunsens tiegħu biex isir il-kuntratt li wassal għal telf enormi għall-poplu Malti.