Deputati nazzjonalisti qalu li l-Partit Nazzjonalista qed isir irrelevanti u qatt ma jistax jiġi elett fil-Gvern.
Żvelat dan il-MaltaToday hekk kif fil-laqgħa tal-grupp parlamentari tas-Sibt, tlett deputati nazzjonalisti – Claudio Grech, Beppe Fenech Adami u Mario de Marco ċanfru lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Is-Sibt Adrian Delia laqqa’ l-grupp parlamentari u l-kumitat eżekuttiv sabiex jiddiskutu l-governanza t-tajba. Iżda d-dikors ta’ Delia qajjem rabja kbira fost id-deputati nazzjonalisti. Irrabjati għax Adrian Delia mhuwiex jattendi u jkun minn ta’ quddiem fil-protesti organizzati fil-Belt.
B’deputati argumentaw li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia qed isir irrelevanti.
Il-Malta Today irrapurtat li d-deputat nazzjonalista Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista f’din is-siegħa kruċjali kellu jieħu pozizzjoni ċara u jagħmel xi ħaġa.
Miegħu qablu ukoll l-eks viċi kapijiet Beppe Fenech Adami u Mario De Marco li qalu lil Adrian Delia li t-tmexxija tiegħu mhux tħalli l-ebda effett.
Għal Adrian Delia qabeż is-segretarju ġenerali Clyde Puli li tkarrab sabiex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad, minħabba li l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum bejn in-nies ta’ Adrian Delia u n-nies tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil. Tant li d-deputati leali lejn Busuttil imorru miegħu l-protesti.
Deputat ta’ esperjenza twil fil-Partit Nazzjonalista qal lil Malta Today li ma affarijiet fil-Partit Nazzjonalista ma jistgħux ikomplu sejrin hekk, b’Adrian Delia qatt ma nistgħu nirbħu elezzjoni.
Il-Malta Today qalet li Adrian Delia għadu mhux igawdi l-fiduċja, la tad-deputati nazzjonalisti u lanqas tal-elettorat minħabba l-allegazzjonijiet serji li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia fl-2017 li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjien mill-prostituzzjoni. Allegazzjonijiet li dwarhom Adrian Delia evita li jitlob inkjesta maġisterjali sabiex inaddaf ismu.
Intant, Il-Gażżetta kullħadd żvelat kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, ingħata l-parir li kemm jista’ jkun jevita li jindirizza attivitajiet fejn ikun jista’ jiġi mistoqsi domandi mill-ġurnalisti. Dan biex skont il-pariri ta’ dawk ta’ madwaru jevita li jiżbalja kif għamel bosta drabi kemm ilu kap u konsegwenza ta’ hekk idawwar il-kanuni fuq il-PN.
Il-Gażżetta Kullħadd qalet kif imkejjen fl-Istamperija sostnew li anke dwar temi li bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jirkeb fuqhom u li saħansitra Delia qed isemmi kontinwament jistgħu jsiru ħafna domandi u għalhekk lil Delia qalulu biex jevita li jindirizza l-midja ta’ spiss. Minflok ħadmulu sistema fejn jitkellem biss waħdu.
Il-Kullħadd qalet kif sal-bieraħ stess Delia għażel li jitkellem permezz ta’ messaġġi spissi fejn quddiemu jkollu biss il-kamera ta’ Net Television u saħansitra għandu ordni stretta biex jaqra biss dak li jkollu miktub.
Temmet li dan in-nuqqas ta’ fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni hi riżultat ta’ xhur li matulhom Adrian Delia baqa’ ma ħax kontroll filPartit Nazzjonalista u għamel żball wara ieħor. Saħansitra konsegwenza ta’ dan kien hemm stħarriġ sa nhar il-Ħadd stess li wera kif mhux fdat millmaġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin.