Il-Partit Nazzjonalista bbojkottja l-ftuħ tal-iskola medika Barts. Dan meta ħadd mir-rappreżentanti tiegħu m’attenda l-ftuħ li sar nhar il-Ħamis li għadda minkejja li kienu mistiedna l-Kap tal-Oppożizzjoni u d-deputati tal-Partit Nazzjonalista f’isem Għawdex.
B’hekk, l-Oppożizzjoni kompliet tagħti daharha lill-investituri li f’dan il-mument qed jagħżlu lil pajjiżna u li f’dan il-każ jinkludu l-Università ta’ Barts li hi fost l-aqwa skejjel mediċi fid-dinja u li diġà ġibdet studenti internazzjonali lejn Għawdex. Waqt il-ftuħ uffiċjali tkellmu wkoll studenti, rappreżentanti ta’ Queen Mary University of London, kif ukoll rappreżentanti ta’ Barts. Iżda, il-PN xorta waħda ħass li m’għandux jattendi. Dan hu investiment ta’ €35 miljun f’dik li qed tkun deskritta bħala l-isbaħ u l-aqwa skola medika fir-reġjun. Investiment li mhux biss fl-ekonomija ta’ Għawdex imma anke fil-komunità Għawdxija. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq dan is-sit tlesta fi 17–il xahar biss.
Meta kien qed jinawgura din l-iskola l-Prim Ministru appella lill-istudenti li qed jieħdu l-edukazzjoni f’dan l-istitut mediku biex meta jiggradwaw, iħarsu lejn Għawdex biex jibqgħu jaħdmu u jgħixu fil-komunità. Hu fisser li għall-Gvern kull student li jinsab jieħu l-edukazzjoni tiegħu f’Għawdex mhuwiex numru.
L-uffiċjali ta’ Steward Healthcare li bnew din l-iskola għal Barts tkellmu fuq il-vantaġġ li sptar ġenerali jkollu skola medika u kif ir-riċerka turi li dan iżid il-kwalità tal-kura. Tennew l-impenn tagħhom ukoll li jagħmlu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wieħed ta’ eċċellenza, li hu prijorità issa li lestew ix-xogħol fuq din l-iskola medika.