Waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapiża, id-deputat Laburista Randolph De Battista semma d-diversi inċentivi li qed jagħti l-Gvern favur l-ambjent, fosthom dawk għall-karozzi elettriċi.
“X’differenza, Sur President. Il-Maltin u l-Għawdxin jingħataw €11,000 jekk jaqilbu għal karozza elettrika f’dan il-pajjiż u titla’ €12,000 jekk tuża wkoll l-iskema tal-iskreppjar. Gvern illi qed joffri skemi differenti u importanti, solar panels, solar water heaters, manutenzjoni tal-bjar.”
Id-deputat Cressida Galea semmiet l-importanza tas-sussidju tal-Gvern fuq il-prezzijiet tal-enerġija, li qed iwieżen kemm lill-familji kif ukoll lin-negozji fi żminijiet ta’ sfida.
“Id-differenza minn Partit Nazzjonalista illi, meta kien affaċċjat bi kriżi meta hu kien qed imexxi, qal u rajna li l-piż tal-prezzijiet u anki tal-enerġija tefgħu kollu fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Riċentament rajna wkoll lill-Kap,, Bernard Grech illi qal li jekk jogħlew il-prezzijiet barra minn xtutna se jogħlew hawn Malta wkoll.”
Id-deputat Malcolm Paul Agius Galea tkellem dwar l-importanza tar-riżorsa tal-ilma f’pajjiżna u rrefera għal skema li se tagħmel il-ġid f’dan il-qasam.
“U, fil-fatt, matul is-sena 2023, ir-REWS, li hija r-regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ħa jagħti inċentivi biex djar antiki jiġu rinnovati.”