Id-deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg sabha bi tqila biex jgħid jekk għandux fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan hekk kif f’intervista mal-gazzetta Malta Independent ġie mistoqsi jekk iridx li Bernard Grech jibqa’ Kap Nazzjonalista.
Hawnhekk id-Deputat Għawdxi wieġeb kif il-Partit Nazzjonalista għandu l-amministrattiv u l-eżekuttiv, li huwa jifforma parti minnu u qal kif huma se jagħżlu l-aħjar soluzzjoni għall-partit.
Alex Borg segwa dak li qal l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, hekk kif dan tal-aħħar għal darba, darbtejn ma qalx jekk għandux fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan hekk kif Adrian Delia kemm f’intervista fuq ix-xandir nazzjonali u f’intervista mal-MaltaToday qal li mhux importanti jgħid jekk għandux fiduċja fil-Kap Nazzjonalista, li kien hu li ħadlu postu wara li d-deputati tal-Blue Heroes sfiduċjawh.
Alex Borg kien wieħed bħal Adrian Delia li ħareġ kontra l-establishment Nazzjonalista u l-għaqda Repubblika, hekk fuq dawn tal-aħħar qal li huma rrilevanti.
Hawnhekk dlonk kien wieġbu l-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina, li huwa ħu Karol Aquilina, fejn qal li Borg huwa faxxist.
Alex Borg ħareġ jikkritika lil tar-Repubblika anki fl-isfond li fuq id-distrett t’Għawdex hemm Chris Said, Deputat tal-Blue Heroes.