L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista tal-lum, b’attakk insensat fuq l-iSpeaker Dr Anglu Farrugia hi konferma ċara ta’ kif Deputat li fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet ġie elett bil-ħniena, ħataf il-Partit Nazzjonalista f’idejh, għamel lilu nnifsu akbar mill-partit, qed imexxi lil Bernard Grech minn imnieħru u dan kollu qed jagħmlu għal interess wieħed: li jxerred il-mibegħda fil-konfront ta’ kull min jagħżel hu. Bħalissa weħel miegħu l-iSpeaker.
Karol Aquilina ilu, għal seduta wara l-oħra, jattakka b’mod isteriku u estrem lill-iSpeaker Anglu Farrugia. Ghajru ‘oxxen’ u ‘bla moħħ’ fost l-oħrajn.
L-attakki insensati ta’ Aquilina ġabu kundanna wiesa’ u ħafna minn sħabu saħanistra qagħdu lura milli jiddefenduh.
Quddiem din is-sitwazzjoni Aquilina rritalja billi ġiegħel lil Bernard Grech jiftaħ attakk ġdid fuq l-iSpeaker. L-għan ta’ Aquilina huwa ċar: issa jrid idaħħal lil ‘sħabu’ d-deputati Nazzjonalisti fil-kredu, ħalli anke jekk għal uħud kontra qalbhom, jappoġġjawh pubblikament.
Jekk Bernard Grech fadallu farka awtorità fil-PN għandu jiddeplora dan l-aġir insensat ta’ Aquilina.
U issa l-waqt li dawk id-deputati Nazzjonalisti li, fil-magħluq, qed jgħidu li l-aġir arroganti ta’ Aquilina qed jimbarazzhom, they stand up to be counted.