It-tgħajjir ta’ deputati tal-oppożizzjoni fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari, Julia Farrugia Portelli, għax għamlet argumenti differenti minn tagħhom dwar il-liġi tal-IVF huwa kundannabbli u tal-mistħija għal min għamlu.
Fi stqarrija maħruġa minn Nisa Labursit intqal kif ma kienx biżejjed għad-deputat Godfrey Farrugia li jgħajjar pulċinella lil Farrugia Portelli fil-kamra tar-rappreżentanti meta kienet qed titkellem dwar realtà ta’ familji li b’sagrifiċċju kbir nefqu €50,000 biex marru jagħmlu IVF barra minn xtutna. Iżda, fil-paġna uffiċjali tal-Partit Demokratiku ittella’ status bil-kliem “when village escorts become MPs, you know the country is in the pits.”
Qalu li bit-tgħajjir lejn deputat parlamentari bħala “qaħba tar-raħal” Godfrey Farrugia u Marlene Farrugia niżlu fl-iktar livelli baxxi tal-politika. Jinsultaw lin-nisa u lil kull min ġej minn xi raħal.
Din hi politika sessista u elitista li m’għadx hawn postha f’soċjetà moderna li trid tinkludi iktar nisa fil-politika u mhux tnaffarhom b’aġir bħal dan.
L-istqarrija temmet tgħid li l-inqas li jistgħu jagħmlu Godfrey u Marlene Farrugia hu li jitolbu skuża. Għalkemm dak li għamlu wera tassew fhix jemmnu u x’politika jħaddnu.