Id-diżgwid li kompla ħoloq fil-Parit Nazzjonalista l-vot fil-Parlament dwar il-liġi l-ġdida tal-IVF kompla jintensifika.
Wara li d-deputat tal-Oppożizzjoni Alex Borg ħareġ jinsinwa li l-Kap tiegħu stess, Bernard Grech, u l-bqija tad-deputati sħabu kienu marru kontra l-istatut tal-Partit, issa kien imiss lid-deputat Ivan Bartolo tal-Mosta biex joħroġ is-sejf fil-pubbliku għall-partit tiegħu stess.
F’artiklu li kiteb fuq il-portal tal-midja tal-Knisja, Bartolo qal li Grech u l-maġġoranza tal-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni marru kontra l-prinċipji tal-PN kif mistqarr fl-istatut tal-istess partit. Huwa lmenta minn sħabu li “f’daqqa wahda biegħu l-mantra tas-‘sewwa jirbaħ żgur’ u ħaddnu l-prammatiżmu politiku u intellettwali akkost tal-prinċipji tagħhom”.
Ivan Bartolo akkuża lill-Partit tiegħu stess li, għalih, il-prinċipju m’għadux jiswa daqs kemm kien, u fakkar lil sħabu fir-riżultat skunċertanti tal-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, li wera li l-fiduċja tan-nies f’Bernard Grech niżlet fl-aktar livelli baxxi li qatt kienet. Fl-istess waqt, il-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela hija b’saħħitha ferm, u bejn iż-żewġ mexxejja hemm differenza kbira ħafna fil-fiduċja popolari li jgawdi kull wieħed minnhom.
“Skont l-aħħar kejl xjentifiku s-sajda ma’ tatx ir-riżultat mixtieq. Jidher li x-xibka li offrielna l-prammatiku kienet mtaqqba għaliex minflok qabdet aktar ħut spiċċat ħarrbet aktar milli diġa kellha,” kiteb Bartolo.
Bartolo kien wieħed minn tliet deputati Nazzjonalisti li kienu preżenti fil-Parlament u li, fil-vot riċenti dwar l-IVF, injoraw id-direzzjoni tal-Whip tal-Oppożizzjoni. Miegħu kien hemm ukoll l-eks Kap Adrian Delia u Alex Borg ta’ Għawdex.
Deputati oħrajn li kien hemm rapporti fil-midja li kienu talbu għal vot ħieles ma attendewx fil-Parlament. Fost dawk id-deputati Nazzjonalisti li ma marrux għall-vot kien hemm Jerome Caruana Cilia, Chris Said, u Carm Mifsud Bonnici. Carm MIfsud Bonnici wara ddikjara fuq il-Facebook li wkoll kien jivvota kontra l-emendi fil-liġi tal-IVF li kieku kien disponibbli biex jattendi seduta parlamentari.
Fl-artiklu tiegħu fuq il-portal tal-aħbarijiet tal-Knisja, Ivan Bartolo qal li “il-prammatiċi” tal-PN qalulu li bih u mingħajru l-vot dwar il-liġi xorta kien se jgħaddi għax il-Gvern kellu l-maġġoranza. “Skont huma stajt nivvota kontra u ma nintbagħadx. Imma jien ħsibt li, bl-istess raġunar tagħhom, aħna l-membri ta’ l-Oppożizzjoni nistgħu nibqgħu id-dar f’kull vot. Il-prammatiċi staqsewni jekk irridx nibqa fl-Oppożizzjoni.”
Filwaqt li, ftit jiem ilu, Alex Borg kien stqarr pubblikament li, f’sitwazzjoni simili, jerġa’ jagħmel l-istess, anki Ivan Bartolo ħa l-istess pożizzjoni. “Bla biża’ lest niffaċċja l-konsegwenzi kollha li dan iġorr miegħu. I stood up to be counted,” iddikjara Bartolo, f’botta ċara għal Bernard Grech u d-deputati sħabu. Din l-istqarrija tikkonferma wkoll dak li rrapporta ONE News riċentement, li fil-PN kull min ma jaqbilx mal-linja tal-Kap jispiċċa jbati l-konsegwenzi. Sorsi f’Tal-Pietà kienu qalu li Grech huwa sensittiv b’mod esaġerat għall-kritika u jara kif iwarrab lil min ma jaqbilx miegħu f’xi ħaġa jew oħra.
Nies midħla tad Dar Ċentrali qalu lil One News li, wara li Ivan Bartolo vvota kontra l-linja tal-Kap dwar il-liġi tal-IVF, Bernard Grech kompla tah il-ġenb u għalaqlu kull opportunità li jitkellem fil-midja tal-PN.
L-iskuntentizza ta’ Bartolo fil-PN dehret ukoll meta dan kien wieħed mid-deputati li ma attendewx għal laqgħa li Bernard Grech organizza l-ġimgħa l-oħra għall-grupp Parlamentari tal-Oppożizzjoni f’tentattiv ta’ dak li sejjaħlu “team building”.
Intant, l-eks Kap tal-PN, Adrian Delia, ixxerja l-artiklu ta’ Bartolo fuq il-Facebook u żied il-kumment “Keep strong ħabib”.