Il-bdiewa Għawdxin ser ikollhom faċilità ġdida u moderna fejn jaħżnu l-kaxxi tal-frott u l-ħxejjex fil-pitkalija tal-Ministeru għal Għawdex.
“Qed inwettqu wegħda elettorali oħra għall-benefiċċju tal-bdiewa Għawdxin fejn sar intervent maġġuri u investiment mill-Ministeru għal Għawdex biex issa l-bdiewa tagħna jkollhom sit għall-ħażna tal-kaxxi hekk kif imwiegħed fil-manifest elettorali”, qalet il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana.
Il-Ministru Caruana spjegat li dan ser iwassal biex mhux biss jibda jingħata servizz ġdid lill-bdiewa tagħna, imma ser jingħata wkoll f’ambjent isbaħ u aktar nadif kif jixraq. Hi qalet li s-settur agrikolu Għawdxi hu ‘l fuq fl-aġenda tal-ministeru u qed jingħata attenzjoni kbira. Tant hu hekk li ġie mwaqqaf Direttorat ġdid fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex bl-isem ta’ ‘Rural Gozo’ sabiex jindirizza l-isfidi u l-bżonnijiet ta’ dan is-settur. Il-Ministru Caruana rringrazjat lill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex li ħadmu biex dan is-sit jitnaddaf, isiru x-xogħlijiet meħtieġa u jibda jaqdi funzjoni ġdida li minnha ser tgawdi l-komunità agrikola Għawdxija.
Id-Direttur ta’ Rural Gozo Neville Mercieca spjega l-funzjoni tad-direttorat tmur oltre minn dik rurali hekk kif id-direttorat għandu r-responsabilità wkoll tas-settur tas-sajd f’Għawdex. Hu qal li minn kemm ilu mwaqqaf id-Direttorat għall-Affarijiet Rurali f’Għawdex, il-vuċi tal-bdiewa u s-sajjieda qed tingħata aktar attenzjoni.
Ritratti: MGOZ