It-tlett irġiel arrestati b’rabta ma’ inżul ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tal-linja Turkish Airlines, fl-ewwel jum tas-sena, ġew irritornati lejn pajjiżhom u anki projbiti milli jidħlu f’Malta u wkoll miż-żona Schengen.
Dawn huma ż-żewġ irġiel Marrokkini ta’ 28 sena u 34 sena, li ġew arrestati, l-Erbgħa, wara li ħarbu minn fuq l-ajruplan u raġel ieħor Marrokkin ta’ 28 sena, li talab għall-assistenza medika u li kien qed jinżamm arrestat fl-Isptar Mater Dei.
Fi stqarrija oħra mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġie spjegat li l-Erbgħa għall-ħabta tal-11:30, l-ajruport ġie nformat li saret talba għall-inżul tal-emerġenza. B’dan ingħata u l-ajruplan minn Istabul għal Marrakesch niżel f’pajjiżna f’12:03.
Fuq il-post marret ambulanza, u ftit tal-ħin wara li l-ambulanza telqet lejn l-isptar, erba’ passiġġieri ntlemħu jiġru miż-żona ta’ parkeġġ tal-ajruplan lejn il-mitjar. Huma qabżu għoli ta’ sular u nofs, hekk kif huma qabżu mill-bieb ta’ wara, li ma miegħu ma kienx hemm taraġ. Dan fil-ħin li kienu qed jinħarġu l-oġġetti tal-passiġġier li kien qed iħossu ma jiflaħx.
Huma evadew l-uffiċċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta, li kienu stazzjonati ħdejn l-ajruplan.
Ir-runaway ingħalaq bħala prekawzjoni u mill-filmati tas-sigurtà ħareġ li l-erba’ passiġġiera maħruba qabżu l-ilqugħ tal-ħadid li jdawwar il-perimetru.
Hu mifhum li l-persuni ħarbu minn fuq l-ajruplan għaliex ma riedux jirritornaw lejn pajjiżhom u b’hekk talbu għall-ażil hawn Malta, talba li ma kinitx milqugħa mill-awtoritajiet Maltin fid-dawl li ż-żewġ persuni li nqabdu diġà ġew deportati lejn il-Marokk.
Sorsi qrib l-investigazzjoni u li tkellmu ma’ ONE News qalu li aktarx il-persuna li qal li kien qed iħossu ħażin ma kienx parti mill-pjan tal-erba’ persuni l-oħra, però dawn il-persuni jidher li approfittaw irwieħhom mis-sitwazzjoni.
S’issa l-forzi tal-ordni Maltin għadhom għaddejjin bit-tfittxijiet għaż-żewġ persuni l-oħra, ta’ nazzjonalita Marrokkina, li ħarbu minn fuq l-ajruplan.
AQRA AKTAR: