Kull persuna għandu delizzju, iżda għal ħafna dak ta’ Denis Magro jaf jidher stramb u mistkerrah.
Dan anke jekk id-delizzju metikoluż tiegħu, fil-verità, hu l-akbar riflessjoni tal-ekosistema naturali ta’ pajjiżna hekk kif għal dawn l-aħħar sitta u għoxrin sena ilu jġemma’ u jibbalzma kull tip ta’ insett li jeżisti fil-gżejjer Maltin.
L-interess biex jibda kollezzjoni tal-insetti bdiet minn meta kien għadu tifel żgħir, għax, flok kien jilgħab bil-ġugarelli, kien jippreferi joqgħod iġelled l-insetti.
ONE News tkellem ma’ Denis Magro fejn sqarr magħna li, fl-esebizzjoni privata ta’ insetti li għandu fil-Qrendi, għandu kollezzjoni vasta ta’ insetti minn Malta, flimkien ma’ oħrajn minn pajjiżi oħrajn.
Hu stqarr li l-aktar insetti favoriti tiegħu huma l-friefet għall-kuluri sbieħ li għandhom u għall-fatt li bis-sbuħija tagħhom qishom xi ħaġa tal-fantaxjenza.
Fost il-kollezzjoni vasta, li għandu Denis, wieħed isib dawk speċjali bħar-Rhinosorous Beetle u l-Longhorn Beetle, il-Papillo Machaon, li hu tip ta’ farfett, id-Desert Locust, il-Chrsippus Danaus u s-Small White, fost oħrajn.
Denis jisħaq li f’Malta fil-passat kellna madwar 23 tip ta’ farfett, iżda llum niżlu għal ħmistax-il tip minħabba raġunijiet varji, inkluż il-bidla fil-klima u l-impatt tal-bniedem.
Hu semmielna kif it-tibdil fil-klima, partikolarment, ħoloq l-estinsjoni ta’ numru ta’ insetti, waqt li importa speċi oħrajn li qabel ma kinux jeżistu hawn.
Qal, “Kien hemm xi insetti li qabdu jgħixu f’pajjiżna, li mhux suppost kienu jeżistu hawn u huma pereżempju insetti tad-deżert, bħad-Desert Locust, jew inkella friefet tat-tip Chrysippus Danaus, li huma tad-deżert. Imma, imbagħad, hemm oħrajn pereżempju qabdu jbiddlu l-kulur tagħhom, li hi xi ħaġa xokkanti. Jien għandi Small White, dawn il-friefet il-bojod kulħadd jaf li huma bojod, darba minnhom sibtu iswed jien. Dak faqqas, biddel iċ-ċelloli tiegħu u nbidel f’lewn iswed, dan minħabba t-tniġġis fil-pajjiż.”
Denis stqarr ma’ ONE news li l-kollezzjoni tiegħu hi akbar minn dik tal- Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali u sal-lum il-ġurnata għadu jżid mal-kollezzjoni li għandu, tant li m’ilux kien qiegħed f’pool u sab żunżana li ma kellux bħalha u għalhekk iddeċieda li jżidha mal-kollezzjoni speċjali tiegħu.
Ix-xewqa ta’ Denis hi li, għal darb’oħra, ikun jista’ jerġa’ jiftaħ l-esebizzjoni privata tal-insetti li għandu fil-Qrendi għall-pubbliku u għat-turisti, anke biex tali sejbiet tiegħu u l-kollezzjoni nnifisha jkunu jistgħu jitgawdew anke b’mod edukattiv.
Minbarra l-insetti, Denis ukoll jikkollezzjona bebbux, tal-art u tal-baħar, u granċijiet. Parti oħra fil-kollezzjoni, li wkoll żgur timpressjona, tinkludi fdalijiet żgħar ta’ meteoriti, fil-forom ta’ ġebel stramb, li jinzertaw jaqgħu fuq pajjiżna minn żmien għall-ieħor.