Denis Davkov, żagħżugħ Bulgaru ta’ 19-il sena, inħeles mill-arrest fuq police bail wara li kien qed jinżamm mill-Pulizija b’rabta mal-mewt ta’ Zack Meli, żagħżugħ ta’ 24 sena.
Meli tilef ħajtu kmieni l-Ħadd filgħodu wara argument li seħħ fi Triq Santu Wistin biswit it-taraġ ta’ Santa Rita li jieħdok lejn Paceville.
L-awtopsja li kellha ssir llum fuq il-ġuvni Malti ġiet konkluża fejn jidher li ma kien hemm ebda sinjali ta’ vjolenza fuqu. Meli għalissa mhux se jkun qed jindifen hekk kif qed isiru aktar testijiet, fosthom dawk tossikoloġiċi sabiex tiġi stabbilita eżatt x’kienet il-kawża tal-mewt tiegħu.
Il-Pulizija tinsab f’kuntatt ukoll ma’ xhud ewlenija li rat il-każ iseħħ quddiem għajnejha. Xhud li konsegwenza ta’ dak li rat sofriet minn qatgħa kbira.
Intant il-profil ta’ Davkov tneħħa għalkollox minn fuq Facebook hekk kif wara li ħarġet l-aħbar dwar il-mewt tal-ġuvni Malti, u l-isem tas-suspettat, Davkov kien qed jirċievi ammont kbir ta’ messaġġi ta’ theddid u kif ukoll kummenti bi kliem ta’ abbuż mingħand għexieren ta’ persuni.