Is-Sibt filgħodu Birkirkara St. Joseph Sports Club temm l-impenji tiegħu tal-għawm Open Water meta meta saru l-Kompetizzjonijiet tal-għawm bejn Malta u Għawdex. Minkejja id-dehra kalma tal-baħar, l-għawwiema kellhom jissieltu mal-kurrenti qawwija li l-fliegu hu mgħaruf għalihom. Madankollu l-għawwiema kollha rnexxielhom jispiċċaw it-tlielaq rispettivi tagħhom.
L-għawma ta’ 11km Malta – Għawdex – Malta, bdiet mas-sebħ, bi tmien għawwiema jieħdu sehem. Mit-tmienja li ħadu sehem – tlieta kienu qed jkopru din id-distanza għall-ewwel darba. L-għawwiema kellhom jieħdu l-iqsar rotta mill-Marfa lejn il-gżira ta’ Kemmuna għal Ras il-Qala f’Għawdex fejn hawnhekk daru lura fuq l-istess rotta fejn spiċċaw fil-bajja minn fejn bdew.
Sarah Demicoli, kienet l-ewwel għawwiema barra mill-ilma wara li pożizzjonat ruħha fuq quddiem mill-bidu nett tat-tellieqa. L-ewwel parteċipazzjoni ta’ Demicoli f’din it-tellieqa kienet fl-2017, fejn ħarġet ukoll bħala r-rebbieħa femminili. Il-ħin ta’sagħtejn 35 minuta u 4 sekondi hu l-aħjar ħin ta’ dawn l-aħħar snin. L-aħjar ħin kien dak ta’ Neil Agius fl-2015, li Demicoli għelbet b’2 minuti u 26 sekonda. It-tieni li spiċċa, u l-ewwel raġel barra mill-ilma kien Stefano Debono Grech li kkompeta f’din id-distanza għall-ewwel darba. Minkejja li m’għandux snin ta’ esperjenza fl-għawm fil-miftuħ, Debono Grech qiegħed jagħmel isem tajjeb għalih b’numru ta’wirjiet sodi. It-tielet barra mill-ilma u t-tieni għawwiema femminili kienet Leah Satariano, rebbieħa tal-edizzjoni tal-2019. Satariano kellha sfida serja minn Hannah Cutajar li kienet warajha kwazi matul it-tellieqa kollha. Meta spiċċaw it-tellieqa ħames sekondi biss isseparaw it-tnejn, b’Satariano tikseb t-tieni post.
Il-podju tal-irġiel ġie komplut mill-veteran Robert Vella, li spiċċa fit-tieni post u Gilbert Bartolo fit-tielet post. Vella u Bartolo kkompetew f’dan l-avveniment ħames darbiet, bit-tnejn li huma rebħu din l-attività darba kull wieħed fl-aħħar sitt snin.
Gozo – Malta
L-Għawwiema li ħadu sehem fil-kompetizzjoni setgħu jagħżlu li jieħdu sehem f’wieħed mit-tliet kategoriji possibbli – Kategorija A (għawwiema mingħajr dgħajsa ta’ skorta), Kategorija B (għawwiema akkumpanjati minn dgħajsa ta ’skorta) u Kategorija C (Għawwiema f’Grupp akkumpanjati minn dgħajsa ta’skorta). Dan tal-aħħar kien miftuħ għal għawwiema li riedu jieħdu sehem fl-isfida li jaqsmu il-fliegu.
Gozo – Malta (Kategorija A)
Dan kien l-ikbar grupp. L-għawwiema f’dan il-grupp kellhom isibu triqthom lura lejn Malta mingħajr assistenza personali, għalkemm il-grupp kellu numru ta’ dgħajjes stazzjonati tul ir-rotta. Andre Camilleri kien ir-rebbieħ li għamel ħin ta’ siegħa 20 minuta 54 sekonda. Miegħu fuq il-podju kien hemm Bernard Sant u Andrew Azzopardi. Sadanittant l-għawwiema veterana tal-Club Isabelle Zarb rebħet il-kategorija. Johanna Galea ħadet it-tieni post, filwaqt li Petra Grech ħadet it-tielet post.
Gozo – Malta (Kategorija B)
Il-podju tal-Kategorija B kien magħmul minn parteċipanti li ħadu sehem għall-ewwel darba. Martina Micallef ħadet l-unuri meta spiċċat it-tellieqa f’siegħa 35 minuta 47 sekonda. Hija kienet segwita minn Luca Vella. Mark Grech u Amand Veranneman ingħaqdu ma’ Vella fuq il-podju tal-Irġiel meta ħadu t-tieni u t-tielet post rispettivament, filwaqt li Callie Hock u Gail Gauci ħadu l-unuri fit-taqsima femminili.
Ritratti: Deacon Xuereb