Issa għandna konferma, minn ħadd ħlief Mario DeMarco li l-Partit Nazzjonalista rċieva donazzjonijiet mill-kumpanija DB u mhux daħal għal relazzjoni kummerċjali.
Dan qalu l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, huwa u jirreferi għal dak li qal il-Viċi Kap tal-PN Mario DeMarco lbieraħ waqt intervista ma’ Saviour Balzan.
Fil-programm, DeMarco dejjem semma ‘donazzjonijiet’ meta ddeskriva r-relazzjoni bejn id-DB u l-Partit Nazzjonalista. Ma semmiex rabtiet ta’ natura kummerċjali jew provda xi spjega dwar dawn ir-rabtiet.
Il-Ministru osserva li joħroġ biċ-ċar li l-PN kiser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, meta suppost donazzjonijiet ma jaqbżux l-€25,000. F’dan il-każ, qabżu n-nofs miljun.
In-nutar Ian Castaldi Paris qal li dan il-kunflitt qed ikompli jitfa’ lil Simon Busuttil f’iżolament, fil-Viċi Kap tiegħu jaħsel idu mill-każ, flimkien mal-eks Segretarju Ġenerali Chris Said u s-Segretarju Finanzjarju tal-PN Alex Perici Calascione.