L-intervent ta’ Adrian Delia fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista dalgħodu kien intervent negattiv minn kap f’paniku li mhux iħossu fdat.
Bil-għan li jiġbed warajh lin-nazzjonalisti tkellem bl-addoċċ u mingħajr fatti f’idejh dwar numru ta’ allegazzjonijiet.
Fl-istess ħin għamel dikjarazzjonijiet li jmerihom mhux biss il-Partit Laburista iżda anke aġenziji internazzjonali u istituzzjonijiet Ewropej.
Fosthom qal li d-dejn żdied meta l-piż tad-dejn niżel għall-inqas livelli fl-istorja. Qal li dawk faqar telgħu għal 70,000 meta fil-verità dawk fil-faqar niżlu għal iktar livelli baxxi f’ħafna snin, bil-gvern preżenti jneħħi għal kollox il-faqar li żdied fl-aħħar snin ta’ gvern nazzjonalista.
Fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li Adrian Delia kellu wkoll il-wiċċ jgħid li dan hu gvern li seraq in-nies. Dan meta dan hu l-gvern li ħallas dak li seraq il-PN fuq it-taxxa tal-karozzi, ħallas miljuni ta’ ewro lill-pensjonanti li ma kellhomx il-pensjoni riveduta u ħallas lill-ħaddiema tal-korpi u l-overtime tal-pulizija li kien imċaħħad għal ħafna snin.
Jekk Delia qed jistenna li se jibda jkun fdat b’din it-tip ta’ attitudni qed jgħarralu bil-kbir.
Il-Maltin u l-Għawdxin jafuha l-verità.