L-attakki jiħraxu u issa l-proċess elettorali għall-għażla ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista jinsab f’dell ikrah.
Dan wara li fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, il-kandidat għall-Kap Nazzjonalista Frank Portelli saħaq li l-elezzjoni għal Kap hija mbagħbsa.
Portelli ilmenta li l-Kummissjoni Elettorali mhux se tħalli lill-kandidati ikollhom it-timbru tagħhom fuq il-polza tal-vot tal-kunsilliera.
Pronta kienet it-tweġiba tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista li ħarġet tikkundanna lil Frank Portelli.
Filfatt fi stqarrija xotta ta’ żewġ sentenzi l-Kummissjoni Elettorali għall-Elezzjoni ta’ Kap Nazzjonalista kienet imġiegħla tiċħad din l-aħħar akkuża.
Intant ġimgħa qabel l-elezzjoni għal Kap aktar attivisti tal-Partit Nazzjonalista ngħaqdu mas-sentiment li wera Frank Portelli u Adrian Delia, tal-aħħar jgħid li hemm id iebsa fl-istrutturi għoljin li ma tridux isir kap.
Roderick Caruana, membru tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Raħal Ġdid ilmenta fuq Facebook li ma tħalliex jivvota fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni wara żball li sar. Caruana saħaq li bħala membru tal-kumitat sezzjonali huwa għandu dritt tal-vot iżda l-Kap tal-Kummissjoni Elettorali Joe Borg qallu ċar tond li huma jafu jagħżlu l-aħjar żewġ kandidati u jekk irid jivvota mat-tesserati fit-tieni rawnd.
Viżibbilment imweġġa’ mill-partit tiegħu stess, Caruana saħaq li bħalu hemm oħrajn għaliex għall-Partit Nazzjonalista n-nies huma sempliċiment numri.
B’referenza għall-attakk ewlieni mill-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia, l-attivist tal-Partit Nazzjonalista sostna li fit-tellieqa suppost bejn erbat iħbieb saru attakki ħorox fuq uħud mill-kandidati.
Caruana jgħid ukoll li l-klikka li ħonqot lil Partit Nazzjonalista waslet biex il-partit tilef ruħu, bħal fil-każ tal-invoices foloz tad-DB.
L-istess klikka għax mweġġa’ u ma jiflaħx jara iżjed attakki bla rażan fil-Partit Nazzjonalista, l-attivist minn Raħal Ġdid kellu dan il-messaġġ għal klikka.