Mhix l-ewwel darba li semmejna miżuri li ttieħdu fl-aħħar erba’ snin u li mmarkajniehom għaliex spikkaw bħala tal-ewwel. Miżuri li f’pajjiżna saru għall-ewwel darba u f’ċerti każi poġġewna fost tal-ewwel fl-Ewropa. Dawn it-tip ta’ inizjattivi donnhom ma jieqfu xejn.
Għalhekk tassew kien għaqli l-messaġġ tal-Gvern fl-aħħar jiem meta f’konferenza tal- aħbarijiet wara oħra, deher l-islowgan Delivering Firsts.
Is-sabiħ hu li dan hu iktar minn slowgan u għalkemm dawk imħabbra fl-aħħar jiem forsi ma jiġbdux l-għajn bħall-miżuri l-kbar bħaċ-child care b’xejn u r-roħs l-kontijiet tal- enerġija, ilkoll kienu aħbarijiet pożittivi.
Pożittivi għax jagħmlu differenza l-ħajja tan-nies. Pożittivi għax ifissru xi ħaġa konkreta għal dawk li għada filgħodu, jew saħansitra llum, ikunu ħarġu mid-dar biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Żgur tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies, speċjalment pazjenti tal-isptar, l-aħbar li l-mikrobu tal-MRSA fl-isptar ġenerali tagħna naqas b’90%. Għall-ewwel darba nkiseb dan ir-riżultat pożittiv li f’ċertikażi saħansitra jista’ jfisser ħajja u mhux sempliċi persentaġġ.
Riżultat bħal dan jinkiseb grazzi għat-tmexxija għaqlija u l-koperazzjoni ta’ kulħadd.
Totalment differenti huwa dak li kien imħabbar b’rabta man-negozji. Miżura li ttieħdet għall-ewwel darba u se tara dawk li kienu 23 spezzjoni għand negozji żgħar isiru spezzjoni waħda. Inqas spejjeż għall-Gvern, inqas burokrazija għall-ħwienet, iżda l-istess livell ta’ serjetà li kien hemm qabel.
Pass ieħor li ttieħed għall- ewwel darba hu dak li permezz ta’ ċirkolari maħruġa għall- impjegati kollha tas-Servizz Pubbliku, kienet indirizzata d-diskriminazzjoni li kien hemm qabel bejn l-uffiċjali pubbliċi u dawk ġejjin minn barra s-Servizz Pubbliku b’kuntratt definit.
Bit-tneħħija ta’ din id-diskriminazzjoni, issa l-uffiċjali pubbliċi saru ugwali għall-ħaddiema fis- setturi l-oħra li għandhom probation statutorja.
Is-sistema sal-lum kienet li bejn wieħed u ieħor kull ħames snin, isir proċess li bih ħaddiema b’kuntratt definit jinqalbu fuq impjieg indefinit. Dan mhux se jkun aktar il-każ, għax dawn se jsiru tal-post b’mod awtomatiku.
Miżuri kruċajli għal-istabbiltà kemm tal-impjiegi kif ukoll tal-impjegati.
U filwaqt li l-miżuri li ddaħlu għall-ewwel darba ma kinux injorati d-drittijiet tal-ħaddiema baqgħu jfaqqsu dawk l-inizjattivi maħsuba biex jistimulaw l-ekonomija.
Property Malta hija entità oħra ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat li nħolqot biex tippromwovi lil Malta bħala destinazzjoni għal nies ta’ talent u kwalità li f’pajjiżna jfittxu wkoll ċertu lussu.
Imfassla fuq proġetti oħra li saru f’oqsma oħra,din l-entità għandha l-għan li tippromwovi lil pajjiżna lilhinn minn xtutna. Fl-aħħar jiem saret l-ewwel laqgħa tagħha. U daqstant ieħor kien ta’ sodisfazzjon id-daqq tal-qanpiena meta fuq il-Borża ta’ Malta ngħaqdu żewġ kumpaniji skont prospett maħsub għal negozji żgħar u medji.
Miżuri oħra li se jolqtu s-saħħa tan-nies huma dawk imħabbra b’rabta mal-enerġija alternattiva. Għall-ewwel darba l-Korporazzjoni tal-Ilma ngħaqdet mal-privat biex dan juża l-ispazju tagħha għall-proġetti ta’ enerġija alternattiva. Dan ifisser iktar impjiegi f’dan is-settur li joħloq dawk magħrufa bħala green jobs, pajjiż li jilħaq il-miri ambjentali tiegħu u fuq kollox inqas tniġġis fl-arja biex il-poplu Malti jkompli jgawdi minn arja iktar nadifa.
Semmejna ftit mill-miżuri li ttieħdu għall-ewwel darba minn Gvern fl-aħħar jiem jew li issa qed ingawdu l-frott tagħhom. Gvern li r-raba’ sena tiegħu għad għandu l-istess determinazzjoni li jbiddel pajjiż li kellu fl-ewwel ġimgħa tiegħu. Anzi, Gvern li issa li qed jaqta’ l-frott tal-miżuri li ħa -ewwel snin tiegħu donnu għandu l-għatx biex jikseb iktar. U l-indikazzjonijiet huma ċari. Dan il-Gvern għandu l-ħeġġa u l-enerġija li jagħmel iktar suċċess u jibqa’ jmexxina ’l quddiem.
Però biex jagħmel dan il-Gvern għandu bżonn l-appoġġ. M’għandniex xi ngħidu, f’dan il-każ l-iktar appoġġ li jgħodd hu dak elettorali. Iżda, m’għandniex għalfejn nistennew daqshekk biex nuru li aħna kuntenti bid-direzzjoni li qabad pajjiżna. Il-manifestazzjoni tal-1 ta’ Mejju l-Belt Valletta għandha tkun l-ewwel okkażjoni biex nuru li aħna kburin b’dak li qed jikseb pajjiżna u bit-tmexxija tiegħu.