Delicata ħabbret ir-rebbieħa ta’ Bettija’rt | wine.art.living, il-kompetizzjoni tal-arti fuq btieti tal-inbid, organizzata minn Delicata stess b’kollaborazzjoni ma’ Is-Suq tal-Belt | Valletta Food Market.
F’isem il-kumpanija Delicata, li twaqqfet aktar minn mitt sena ilu propju fl-1907, id-direttur Mario Delicata ppreżenta l-premjijiet fosthom flus u premjijiet oħra lill-erba’ rebbieħa, u magnum doppju tal-inbid Gran Cavalier Syrah ta’ Delicata lil kull parteċipant.
Il-bord tal-ġurija kien magħmul minn esperti fl-arti fosthom Anna Grima, Mariella Pisani Bencini u Kevin Casha, u rappreżentant tal-kumpanija Georges Meekers. Dawn taw l-ewwel premju ta’ Bettija’rt 2019 lil David Xuereb għall-installazzjoni tiegħu li jisimha “The Creation” u t-tieni premju lil Donald Camilleri għall-pittura fuq il-bettija tiegħu “An Improbable Toast.”
Il-“Community Vote Award” permezz ta’ votazzjoni onlajn mill-pubbliku ingħata lil Francis Galea għax-xogħol tiegħu “Romantic Journey of Art and Wine 1907-2019, li kiseb 23% tal-voti kollha.
Rikonoxximent speċjali ngħata lil Zack Ritchie għax-xogħol artistiku tiegħu ‘The Vessel of Joy”. L-artisti finalisti Claire Attard Vella, Joseph Barbara, Carmel Bonello, Priscilla Gatt, Sara Pace u Caroline Said Lawrence irċevew iċ-Ċertifikat ta’ Mertu ta’ Bettija’rt.
Il-wirja inawgurali ta’ Bettija’rt damet miftuħa għal iktar minn erba’ ġimgħat fil-bini ikoniku ta’ Is-Suq tal-Belt | Valletta Food Market. Dan kien irrappreżentat matul iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet minn Antoine Portelli, Kap tal-Operat Korporattiv ta’ Arkadia Marketing Ltd, parti minn Mizzi Organisation.
Il-ħsieb tal-inizjattiva Bettija’rt hu li ġġib l-arti f’Malta, l-aqwa nbejjed Maltin u t-tgawdija tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kulħadd. Għaxar artisti Maltin intgħażlu biex jibdlu btieti tal-inbid li m’għadhomx jintużaw f’xogħol artistiku.
Il-wirja ta’ Bettija’rt hi waħda minn ħafna inizjattivi ta’ karita’ li jiffurmaw parti mill-kampanja ta’ għoti lura li Delicata taqsam f’112-il sena ta’ inbid fost il-komunità Maltija. Ritratti tal-għaxar esebiti jinsabu fuq il-websajt: www.delicata.com