Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u ż-żiemel tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech jinsabu seqer fuq xulxin dwar min jiżgarra l-ewwel fil-kampanja tagħhom.
Huma bdew il-kampanja baxx baxx kontra xulxin fi żmien meta l-kummissjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista għadha qed tistenna l-evalwazzjoni fuq iż-żewġ kandidati tiġi konkluża.
Meta waqt konferenza tal-aħbarijiet, lil Delia staqsejnieh dwar dak li qal Bernard Grech fl-aħħar jiem, Delia għad attent li ma jiżgarrax u jeħilha mal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista.
Hu wieġeb: “Sfortunatament jiena nimxi ma’ dawk illi huma r-regoli tal-istatut tagħna u għax għadha ma bdietx b’mod formali l-kampanja tagħna ma jidhirlix illi huwa xieraq illi nagħmel kummenti fir-rigward tal-kampanja interna għall-kap tal-Partit Nazzjonalista.”
Minkejja din id-dikjarazzjoni, fuq il-mezzi soċjali tiegħu Delia ma għamilx l-istess u b’reazzjoni għall-intervista li ta Bernard Grech lit-Times, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qallu li hija stramba li tellaq il-kampanja tiegħu fuq nota negattiva.
Bi preludju għal aktar ġlied tul kampanja missielta bejn iż-żewġ kandidati Nazzjonalisti, Delia tefa’ botta u qal lil Grech li n-negattività jista’ jkun ġejja mill-konsulenti tiegħu.
Intant, Bernard Grech ukoll ġmielu jdur il-kmamar tal-aħbarijiet u jagħti l-intervisti. Fihom attakka lil Delia u identifikah bħala s-sors tal-firda fil-partit Nazzjonalista. Mossa li ġabet ir-rabja minn bosta membri li qed jappoġjaw lill-kap attwali.
Grech ukoll beda jdur il-każini Nazzjonalista fejn l-iktar għandu appoġġ. Mossa li wasslet lil Vincent Borg, magħruf bħala Ċensu l-Iswed, biex jistaqsi liċ-chairman tal-Kummissjoni Elettorali Peter Fenech, jekk il-kontestanti għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista jistgħux jibdew bil-kampanja tagħhom minn issa.
Dan fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għadha trid tikkonkludi l-proċess ta’ due diligence u tevalwa liż-żewġ kandidati.
Intant fl-istess waqt li Adrian Delia prova juri li huwa subgħajh dritt ma’ dak li tgħid il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, huwa reġa’ uża fondi tal-Partit sabiex tella’ reklam fuq Facebook.
Dwar dan qed jerġa’ jiġi investigat mill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Ritratt ta’ reklami li għandu f’idejh ONE News juru kif ir-reklam fuq il-paġna personali ta’ Delia ġie mħallas mill-Partit Nazzjonalista.
Għal dan qed tilmenta l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li tinsab wara l-kontestant l-ieħor, Bernard Grech.