Id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco kkonferma fit-tweġibiet tiegħu li ddefenda l-kuntratt li issa jrid investigat. Minkejja dan, baqa’ ma weġibx il-mistoqsija dwar jekk kienx informa lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, bis-sehem tiegħu f’żewġ stadji ta’ appell fejn il-konsorzju li rrappreżenta hu kellu l-kuntratt ikkonfermat għall-proġett ta’ titjib fir-residenza San Vinċenz De Paul.Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li lil hinn minn hekk, jekk De Marco kien informa lil Adrian Delia, il-Kap Nazzjonalista għandu jgħid x’wassal biex xorta waħda talbu jiffirma t-talba għall-investigazzjoni lill-Awditur Ġenerali. Talba li l-gvern diġa’ ddikjara li m’għandux problema biha, iżda li meta ġejja mill-Partit Nazzjonalista mhi kredibbli xejn.
Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu lil min jaf sew id-dettalji ta’ dan il-proġett tant li ddefendih b’suċċess kemm quddiem il-Kumitat tal-Kuntratti kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Appell.
Il-Gvern spjega għal iktar minn darba d-dettalji ta’ dan il-proġett u sa issa l-uniċi mistoqsijiet mhux imwieġba huma dawk li saru lil De Marco u lil Delia.