Il-kandidat Nazzjonalista għall-Elezzjoni Generali li għaddied Kevin Cassar, konsulent tal-kirurġija kellu kliem iebes fil-konfront ta’ Adrian Delia fejn qajjem diversi mistoqsijiet dwar l-integrità tal-kap il-ġdid. Fil-blog tiegħu msemmi “How the PN blew it” fakkar kif għalkemm il-kumitat maħtur sabiex jinvestiga l-bosta allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Delia ma kellux biżejjed żmien biex jinvestiga l-allegazzjonijet kollha, dan xorta ssuġerixxa lil Delia sabiex jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu.
Cassar iddeskriva lil Delia bħala bniedem ġdid u mingħajr skrupli. Cassar qal ukoll li Delia għandu piż kbir imdendel miegħu. Fi kliemu Kevin Cassar sostna li issa l-pajjiż u l-Partit Nazzjonalista għandhom problema ġdida li jisimha Adrian Delia.
Fl-artiklu tiegħu kien hemm referenza għal qagħda finanzjarja ta’ Delia. Cassar qal li apparti l-miljun Ewro f’dejn li għandu Delia għandu wkoll aktar minn tmenin elf Ewro f’arretrati mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni kif ukoll tletin elf Ewro oħra f’penali. Cassar staqsa kif Delia jista jaspira li jmexxi il-finanzi tal-Partit Nazzjonalistan u eventwalment tal-pajjiż jekk qas biss huwa kapaċi jamministra sew il-kontijiet bankarji tiegħu. Cassar qabbel il-ħamsa u tmenin elf Ewro f’dejn mad-Dipartiment tat-taxxi mal-pagi ta tliet għalliema jew infermiera għal sena sħiħa.
Cassar semma wkoll l-amministrazzjoni ħażina ta’ Delia fil-qasam tal-football. Cassar temm billi stqarr li Delia huwa ta’ theddida għad-demokrazija ta’ pajjiżna.