Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, jinsab taħt pressjoni kbira għaliex il-mossa li għamel fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda kienet prevedibbli.
Tant li meta saret it-talba fil-Parlament, il-Gvern deher preparat u l-Oppożizzjoni spiċċat trid issib min se jitkellem dak il-ħin.
Ikkummenta dwar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-attività politika tal-Ħadd filgħodu.
Il-Prim Ministru qal li “Għamlu dak li kien ovvju li se jiġri. Ma nistax nifhem. Konna qed nistennewha li jitolbu diskussjoni b’urġenza. Tkellimna jien u d-Deputat Prim Ministru u għidna dan se jiġri hekk xl-aħjar li jsir. Ftehmna jien u Chris Fearne u Chris tellaħa quddiem il-grupp parlamentari. Ejja naċċetaw u nimxu ‘l quddiem u jgħidu iva.”
Iffaċjat b’din il-kritika qawwija internament, il-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li joħorġ bi storja giddieba fil-Mument.
Storja li tgħid li l-Prim Ministru ma riedx din id-diskussjoni u l-fatt li sar id-dibattitu ħoloq diżgwid mad-Deputat Prim Ministru.
Delia kien kostrett jgħamel dan anke għax inqabad fuq sieq waħda meta ħareġ sejħa għall-media fl-istess ħin li sar id-dibattitu.
Qal “Kif qomna biex ngħidu iva. In-naħa tal-Opppożizzjoni baqgħet tħares lejha nnifisha. Aħna kellna l-kelliema lesti biex ma nirrepetux u huma jfittxu l-kelliema. Kellhom konferenza tal-aħbarijiet waqt id-dibattitu. Sewwa ngħid.. dawn kollha reċti.”
Joseph Muscat qal li dan huwa xhieda li lanqas il-Partit Nazzjonalista stess mhu jieħu l-proposti tiegħu bis-serjetà.