Il-mozzjoni mressqa llejla mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, hija mozzjoni ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li għax imminat hu spiċċa jipprova jimmina l-istituzzjonijiet. Dan bil-għan li jintogħġob mal-estremisti fil-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Laburista tenna li l-Gvern mhux biss ikkundanna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia imma ta r-riżorsi kollha meħtieġa biex sal lum diġa’ hemm tlieta minn nies il-Qorti akkużati b’dan il-qtil.
Fl-istess ħin hemm investigazzjonijiet li qed jissoktaw inkluż b’sehem ta’ Maġistrati li bil-mozzjoni tiegħu Delia qed jimmina xogħlhom u jiddikjara li m’għandux fiduċja fihom. L-investigazzjonijiet doppji li qed jipproponi Adrian Delia f’dan il-mument jistgħu biss jimminaw il-ġustizzja. U wieħed jistaqsi għaliex għaddejin sensiela ta’ manuvri minn bnadi differenti li jistgħu jimminaw il-ġustizzja.
Fuq kollox infakkru lil Delia huwa l-uniku bniedem li għad hemm bżonn investigazzjoni dwaru. Għax Adrian Delia kellu allegazzjonijiet serji minn Daphne Caruana Galizia qabel intqatlet. Allegazzjonijiet li baqa’ ma weġibx għalihom, fakkar il-Partit Laburista.