Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, jgħid li jrid il-ġustizzja iżda mbagħad meta l-ġustizzja titkellem jinjoraha u saħansitra jipprova jmeriha.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha qal li jrid ġustizzja Adrian Delia ddefenda lill-Perit Toni Bezzina għax skont hu dak tad-deputat tiegħu mhux każ serju. Dan anke jekk illum il-Qorti tal-Maġistrati qalet li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu fis-servizz pubbliku.
L-istqarrija tgħid li f’din is-sentenza kien innotat ukoll kif Toni Bezzina ġiegħel li ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni falza. Minkejja dan kollu Delia ddikjara li Toni Bezzina se jibqa’ fil-grupp parlamentari spalla ma’ spalla miegħu.
Il-PL spjega kif dan kollu juri kif Delia mhux dejnu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.
Jitkellem mingħajr fatti
Il-PL qal li bħalma juri l-istess il-fatt li jmur jitkellem fuq dak li tgħid in-Nazzjon mingħajr ma jkollu fatti f’idejh. Adrian Delia jitkellem fuq dak li jgħidu r-reporters tiegħu mingħajr ma jiċċekja l-fatti.
Spjega kif mar jgħid li l-gvern ħeba investigazzjoni b’rabta ma’ proċess fil-Qorti meta l-gvern ħareġ stqarrija f’April tas-sena l-oħra. Mar jgħid li kien hemm droga mitlufa mill-Qorti meta f’investigazzjoni rriżulta li kienet hemm.
L-istqarrija temmet tgħid kif meta l-ġurnalisti staqsewh dwar dan u jekk kienx qed jirreferi għall-istess każi qal ma nafx. Ma nafx ta’ kap dilettant li jitkellem fuq is-sewwa u jaġixxi favur il-ħażin.