Il-Partit Laburista sostna li d-deċiżjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jippubblika l-inkjesta Egrant, se tikkonferma dak li ħareġ mill-konklużjonijiet ppubblikati f’Lulju tas-sena l-oħra.
“Fi kliem sempliċi dak li l-qlajja li Egrant kienet tal-familja tal-Prim Ministru kienet l-ikbar frame up politiku fl-istorja politika. Frame up politiku li wieħed mill-arkitetti tiegħu kien Simon Busuttil”, saħaq il-Partit Laburista.
Ingħad li l-Prim Ministru qatt ma kellu problema jippubblika l-inkjesta iżda dejjem stenna l-eżitu tal-kawża li fetaħ Delia.
Wara li l-kawża ngħalqet fi stadju t’appell, minnufih il-Prim Ministru talab lill-Kummissarju tal-Liġijiet l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi biex jistudja s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u jissuġġerixxi mod kif dan ir-rapport jista’ jiġi ppubblikat mingħajr ma jinħolqu preġudizzji fl-investigazzjonijiet u li jiġu mħarsa d-dettalji privati ta’ nies li m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ.
Intqal li quddiem dan Delia mexa b’mod ieħor u ma riedx jistenna l-proċess li fetaħ il-Prim Ministru.
“Adrian Delia jrid jippreġudika l-investigazzjonijiet, fost oħrajn biex jiddefendi l-ħażen fil-Partit Nazzjonalista li ħoloq u mexxa ‘l quddiem dan il-frame up politiku”, qal il-Partit Laburista.
Żied li Delia se jippreġudika wkoll investigazzjonijiet oħra meta suppost jgħid li jrid ġustizzja u ta’ dan se jiġi żmien li jrid jerfa’ r-responsabbiltà.
Il-Partit Laburista qal li b’dak li għamel Delia se jkun ta l-konferma li Egrant kienet gidba, iżda se jħares lil min ħoloqha.
“Delia se jkun qed jippreġudika wkoll il-kors tal-ġustizzja hekk kif wera li l-partiġjaniżmu jġibu qabel is-saltna tad-dritt u l-istituzzjonijiet”, qal il-Partit Laburista.
Intant fi stqarrija, l-Avukat Ġenerali Peter Grech fakkar li huwa jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali u għadda kopja tal-inkjesta lil Delia fi ftit sigħat.
Mistoqsi dwar l-investigazzjonijijiet li għaddejjin b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Avukat Ġenerali fakkar li huwa jipprosekwixxi u mhux jinvestiga.
Dr Grech caħad li kien hemm xi tkaxkir tas-saqajn, tant li fi żmien 3 xhur tressqu tliet persuni mixlija bid-delitt u sa sentejn wara tressaq is-suspettat mandant.
“The breakthrough in the investigations which there were recently show that, that was the case because the fact you cannot make information available about on going investigations does not mean that those investigations are not being carried out”, sostna Dr Grech.