- Kwistjoni oħra li qed tkompli toħloq l-inkwiet
- Ta’ kontrih jgħid li jekk għandu d-dejn personali missu rah qabel
Adrian Delia huwa l-ewwel kap tal-Partit Nazzjonalista li se jkun qed jieħu paga mill-partit barra paga bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Fi ftit kliem se jkun qed jieħu paga doppja. Il-kapijiet ta’ qablu ma kinux jieħdu paga mill-partit għax dejjem emmnu li bħala Prim Ministru jew Kap tal-Oppożizzjoni kienu diġà qed jitħallsu tal-irwol tagħhom.
Iżda, Adrian Delia jaħsibha differenti. Saħansitra t-talba għall-paga li taqbeż it-€30,000 kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li ħa. Biex bil-madwar €45,000 li jdaħal kap tal-oppożizzjoni jkun qed idawwar madwar €75,000 fis-sena.
Iżda, dawk li jieħdu ħsieb il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista infurmawh li ma jkunx għaqli li tiżdied paga li sa ftit ilu ma kinetx tittieħed. Għax Simon Busuttil kien jitħallas is-salarju ta’ Kap tal-Oppożizzjoni. Fil-fatt hu ltaqa’ mal-grupp tal-finanzi u fost dawk li infurmawh li m’hemmx lok għal dan is-salarju kienhemm ċertu Malcolm Custo li qallu kif il-PN diġà għandu problema jlaħħaq mas-salarji li għandu bħalissa.
Però Delia jaħsibha differenti. Saħansitra f’intervista li kellu qal: “Ma naħseb li hemm xejn ħażin li wieħed jirċievi salarju għal full-time job,” u żied li filwaqt li japprezza li ħaddieħor ma ħax salarju ma jara xejn ħażin li hu jitħallas. Din id-dikjarazzjoni qed issir wara li fil-kampanja għal kap qal li l-qagħda finanzjarja tal-PN kienet agħar minn dik irrapportata u f’laqgħa minnhom kien qal: “Qed jgħidu li ħiereġ biex inħallas id-dejn. Daqskemm għandna minn fejn inħallsu.”
Iktar minn hekk Delia jrid jimpjega sitta min-nies fl-uffiċċju tiegħu li din il-gazzetta għandha l-ismijiet tagħhom kollha. Fost oħrajn irid jimpjega lil Pierre Portelli, editur maniġerjali ta’ The Malta Independent bħala ċ-Chief of Staff tiegħu u għalih ukollqed jitlob salarju sostanzjali.