It-Times irrappurtat li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għadu ma ddikjarax x’qala’ sentejn ilu mal-awtoritajiet tat-taxxa.
Adrian Delia naqas milli jiddikjara mal-awtoritajiet tat-taxxa kemm qala’ fl-elfejn u tmintax, anki jekk suppost mela l-applikazzjoni mad-dipartiment tat-taxxa, is-sena l-oħra.
It-Times rat kopja tat-taxxa tad-dħul tal-elfejn u tmintax u sar magħruf li għandu dejn u spejjeż li f’dik is-sena qabżu l-mitt elf ewro.
Il-gazzetta rrappurtat li l-paga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni hija ta’ kważi ħamsa u erbgħin elf ewro.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tat-Times of Malta għaliex ma meliex l-applikazzjoni tat-taxxa għas-sena elfejn u tmintax, Adrian Delia qal li għadu qed jiġbor id-dokumenti neċċessarji sabiex jippreżentahom lill-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, responsabbli li tiskrutinizza l-kandidati li ħerġin għal Kap tal-partit.
Adrian Delia irid jgħaddi minn dan il-proċess bil-għan li jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista.
Huwa kien qal li dan huwa proċess rigoruż u la jispiċċa dan il-proċess se jkun qed jagħmel dikjarazzjoni pubblika.
Dwar Adrian Delia jeżistu ħafna mistoqsijiet fosthom kif ilaħħaq mal-piżijiet finanzjarji tiegħu.
Adrian Delia għandu allegazzjoni li daħħal flus f’kont bankajru f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. Allegazzjoni li dwarha Adrian Delia qatt ma talab inkjesta maġisterjali sabiex inaddaf ismu.
Dwar Delia qed jiġi allegat ukoll li ħa flus m’għand Yorgen Fenech biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa.