Il-gazzetta The Times kompliet tirraporta l-paniku li tinsab fih l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fl-isfond tal-kriżi u l-ġlied bla rażan li l-partit qed jesperjenza.
Filfatt il-gazzetta sostniet li l-Kap Adrian Delia qed jiltaqa’ mal-kunsilliera li se jivvutaw meta hu mistenni jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali Straordinarju biex jiddiskuti u jieħu deċiżjoni dwar il-mozzjoni mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kontra Delia.
Il-petizzjoni li qed titlob għall-isfiduċja ta’ Adrian Delia qajmet paniku sħiħ fost it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u t-Times sostniet li Delia qed jilgħab għal ħin billi għadu ma stabiliex data meta għandu jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali.
Ta’ Simon Busuttil saħqu li skont l-istatut tal-Partit, il-Kunsill Ġenerali għandu jiddiskuti l-petizzjoni ta’ kontra Delia fi żmien ġimgħa iżda ta’ Delia diġa wasslu l-messaġġ li ma hemmx għaġġla.
Filfatt il-grupp parlamentari Nazzjonalista għandu jitlaqqa nhar it-Tnejn u l-Ħamis isegwi l-Eżekuttiv tal-Partit fejn sa issa fuq l-aġenda għadha ma tniżżlitx id-diskussjoni dwar is-sejħa tal-Kunsill Ġenerali li jista’ jitfa’ aktar pressjoni fuq Delia.
Id-dubji fit-trasparenza li l-Partit Nazzjonalista suppost jimxi biha ntefgħu wkoll fuq l-għażla tal-Kap tal-Kummissjoni elettorali li se tmexxi l-proċess tal-elezzjoni għal ħatra ta’ żewġ karigi importanti fil-partit wara r-riżenji ta’ Mark Anthony Sammut u David Stellini.
Richard Muscat, eks Segretarju Parlamentari Nazzjonalista huwa magħruf li ġej mill-kamp ta’ Delia u dan l-aħħar ma ħalliex membri tal-eżekuttiv li se jkunu msefrin nhar il-Ħamis biex jivvutaw qabel, dwar id-deċiżjoni meta se jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali biex jittieħed il-vot kruċjali dwar il-Kap.
F’dan l-isfond, il-Kap Adrian Delia qed jingħad li qed jipprova jraqqaq il-pannu bil-qargħ’aħmar billi jwiegħed li wara li jgħaddi l-vot dwaru se jtiru x’irjus u b’hekk se jqaċċat nies li bħalissa jinsabu qrib tiegħu.
Fuq il-petizzjoni ffirmata minn mitejn ruħ, ħamsin iżjed minn dak meħtieġ skont l-istatut biex jissejjaħ Kunsill Ġenerali, ukoll qajjem l-inkwiet fil-partit.
Filfatt iż-żewġ fazzjonijiet, ta’ Busuttil u ta’ Delia komplew jiftħu n-nar fuq xulxin billi ta’ Delia saħqu li hemm mat-tlieta u għoxrin persuna li ffirmaw il-petizzjoni kontra ż-żiemel tagħhom li m’għadhomx kunsilliera.
Dan filwaqt li ta’ Busuttil staqsew dwar kif persuna qed titneħħa mid-dritt li tivvota f’Kunsill Ġenerali mingħajr ma tiġi avżata.
Ta’ Delia komplew jattakkaw billi rrimarkaw li ħamsa u ħamsin persuna li ffirmaw il-petizzjoni lanqas biss ħallsu t-tessera.
It-Times irrapurtat ukoll li issa l-attenzjoni daret fuq il-lista tal-Kunsilliera li għalkemm bosta jaħsbu li għandha dellijiet koroh fuqha minħabba l-aġir u l-manipulazzjonijiet tal-passat ta’ Jean Pierre Debono, il-lista fil-verità qed tinżamm mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.
“Għalfejn membri tal-Kunsill Ġenerali għal għomorhom tneħħew fi żmien il-Kap preżenti mingħajr ma imqar ġew notifikati?”, staqsa xi ħadd li jħuf fil-kuriduri tal-istamperija.
Dawn il-mistoqsijiet komplew joħorġu fil-beraħ il-qasma li l-Partit Nazzjonalista ilu għaddej biha u li kompliet tieħu forma ta’ battalja missielta bejn żewġ fazzjonijiet li mhux lesti jċedu pulzier.