Negattiv, partiġġjan, u mingħajr ideat – hekk jista jiġi deskritt id-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia l-Ħadd filgħodu fl-Imsida, li waqt li ma seta’ jinnota xejn tajjeb li għamel Gvern Laburista, ma kellu ebda proposta ġdida.
Fost oħrajn, Delia għażel li jitkellem dwar il-pensjonijiet, fejn appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jagħti każ lill-anzjani.
Dan minkejja l-fatt li kien dan il-Gvern li żied il-pensjoni għal sena wara l-oħra, wara li l-istess pensjonijiet kienu ffriżati għal ħamsa u għoxrin sena minn Gvernijiet Nazzjonalisti.
Jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni lanqas biss jaf x’inhu għaddej fil-pajjiż, hekk kif skont hu, dan il-Gvern m’għamel l-ebda proġett infrastrutturali. Skont Delia, kulma qed jagħmel il-Gvern huwa li jlesti proġetti li bdew amministrazzjonijiet Nazzjonalisti.
Għal Delia, il-proġett tal-Kappara, il-Junction tal-Marsa, u Pjazza Tritoni fost ħafna oħrajn, ma sarux minn dan il-Gvern.
Delia qal ukoll li l-faqar f’pajjiżna kulma jmur qed jiżdied. Dan minkejja li biss ftit tal-jiem ilu, il-Kummissjoni Ewropea nnifisha rrikonoxxiet il-fatt li grazzi għall-miżuri ta’ dan il-Gvern, il-faqar f’pajjiżna, fil-verità, qed jonqos.
In-negattività tal-Kap Nazzjonalista kienet saħansitra trasmessa fil-kelliema ta’ qablu.
Waqt li kien hemm min qal li l-Gvern m’għamel xejn fuq it-traffiku u biex jgħin lin-nisa, kelliem ieħor saħansitra qal li ż-żgħażagħ imxebbgħin bil-Prim Ministru.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista temm id-diskors tiegħu billi appella lill-partitarji preżenti biex ma jagħtux każ is-surveys u n-numri, iżda bħalma kien appella ta’ qablu, joħorġu hemm barra u jikkonvinċu lin-nies.
B’reazzjoni, fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Adrian Delia jrid iżomm lil pajjiżna lura.
Fost oħrajn, jinnota li jidher li għal Adrian Delia post il-mara hu biss id-dar. Intqal kif filwaqt li l-Partit Laburista jirrispetta l-għażla ta’ min jibqa’ d-dar, Delia għadu lanqas biss intebaħ li llum għandna pensjoni sostenibbli għax eluf ta’ nisa ħarġu fid-dinja tax-xogħol.
Għal snin twal is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet u l-bżonn li iktar nisa jaħdmu kienu fost it-twissijiet kontinwi tal-Unjoni Ewropea, li llum qed tinnota t-titjib kbir fiż-żewġ oqsma.