Il-Kap Nazzonalista Adrian Delia mistenni jitlef lil Clyde Puli minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, wieħed mill-alleati ewlenin tiegħu fil-Partit Nazzjonalista u postu mistenni jieħdu l-ex Ministru Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.
Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta KullĦadd irrapportat li Puli qiegħed jaħsibha li jabbanduna t-tmexxija u jitlaq minn Segretarju Ġenerali. Dan fl-istess ġimgħa li Jean Pierre Debono, alleat ieħor ta’ Delia li flimkien ma’ Puli ħadem qatigħ biex Delia jieħu t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, ħabbar li rriżenja minn kordinatur politiku tal-Partit.
L-Erbgħa filgħodu l-ġurnal Malta Today żvela kif l-ex Ministru Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qed ifittex l-appoġġ ta’ diversi fergħat fil-partit biex jieħu s-siġġu ta’ Puli mill-Partit Nazzjonalista.
Mal-MaltaToday, minkejja li qal li mhux se jikkummenta, fl-istess waqt ikkonferma li qiegħed jikkunsidra bis-serjetà l-possibilità li jikkontesta għall-kariga ta’ segretarju ġenerali.
L-ex Ministru Nazzjonalista fil-kabinett ta’ Gonzi għamel din id-dikjarazzjoni anki jekk Puli għadu fil-kariga.
Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu li Zammit Dimech qiegħed ikun avviċinat minn deputati Nazzjonalisti u membri tal-eżekuttiv sabiex jikkontesta għall-kairga ta’ Segretarju Ġenerali.
Iżda x-xewqa ta’ Zammit Dimech ma tantx jidher li ntlaqgħet tajjeb mill-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li hija ddominata minn persuni mill-fazzjoni ta’ Delia.
Sorsi li tkellmu mal-MaltaToday qalu li fis-sajf li għadda, numru ta’ deputati u membri tal-eżekuttiv tkellmu ma’ Adrian Delia sabiex ineħħi nies prominenti mill-Partit Nazzjonalista sabiex ma jibqgħux jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
Is-sorsi żiedu jgħidu li Adrian Delia ma jidhirx li jrid inaddaf id-dar tiegħu u esprimew id-dubji tagħhom kemm Delia se jkeċċi lil dawn in-nies mit-tmexxija tal-Partit.
L-eks ministru u ewroparlamentari Francis Zammit Dimech ma ġiex eletti fl-aħħar żewġ elezzjonijiet li kkontesta tal-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u sbatax u fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Mejju li għadda.