L-eks deputat Nazzjonalista Philip Mifsud żdied mal-lista ta’ esponenti Nazzjonalisti li jridu lill-Kap Adrian Delia jwarrab.
F’artiklu fit-Times tal-Ħamis, l-eks deputat ta’ żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista sostna li Adrian Delia huwa ferm agħar minn Simon Busuttil.
Fl-isfond ta’ sfiduċja waħda wara l-oħra f’Delia, Mifsud sostna li Delia missu ilu li warrab. Jekk kien hemm 100 raġuni għalfejn Busuttil kellu jwarrab fl-2017, għal Delia hemm 1,000 raġuni.
Fakkar kif Delia kien għajjar lil Daphne Caruana Galizia biċċa blogger meta allegat li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni, u qal li Delia qatt ma naddaf u ma jridx inaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonijiet.
L-eks deputat Nazzjonalista kompla bl-attakki fuq Delia u tkellem ukoll dwar kif ma jistax jifhem kif Delia jdaħħal inqas minn tliet elef ewro fix-xahar iżda kull xahar għandu spejjeż li huma mat-tliet darbiet iżjed minn hekk.
Mil-lat politiku, Philip Mifsud qal li Delia naqas milli jgħaqqad il-partit warajh, bir-riżultat ta’ dan jidher fl-istħarriġ.
Dan filwaqt li fl-istess waqt li l-Partit mmexxi minn Delia kien suppost qed jagħmel kampanja kontra l-korruzzjoni, Adrian Delia mar jiekol għand Yorgen Fenech.
Dan juri kemm il-Kap Nazzjonalista mhuwiex kredibbli, sostna Philip Mifsud.
Semma li Adrian Delia missu qatt ma daħal għall-politika, u ntuża minn nies bla skrupli li mbgħad ħallewh jaqdef f’baħar imqalleb.
L-eks deputat Nazzjonalista sostna li Delia ma fadallu l-ebda intenzjoni tajba biex jibqa’ kap Nazzjonalista. Qal li Delia jrid li meta jinżel hu, jinżel il-Partit Nazzjonalista miegħu.