“Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kien jaf bl-inkwiet li hemm fil-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar sa minn qabel sar Kap. Imma Delia qatt m’għamel xejn anki wara li sar Kap.”
Żvela dan Robert Piscopo, li rriżenja minn kunsillier nazzjonalista ta’ San Pawl il-Baħar wara li xahar ilu rrizenja mill-Partit Nazzjonalista.
“Fl-aħħar xhur meta kien hemm it-tnejn li huma – Said u Delia kienu infurmati. Ma’ Delia wara li sar Kap pruvajt niltaqa’ miegħu u dan ma rnexxiex.”
Robert Piscopo qal li taħt it-tmexxija ta’ Graziella Galea, il-kunsill lokali sejjer il-baħar għax mhix tagħraf il-prijoritajiet veri għar-residenti.
Qal li Galea, mhix tagħti kas il-problemi li hemm fil-lokalita li qed jiffaċjaw ta’ kuljum ir-residenti. Fosthom problema ta’ tindif u kriminalità.
“Prijorità riċentament ħdejn l-iskola kien hemm bricks ħadid, jidħlu l-ilmenti u ngħadduhom l-isindku u għalxejn.”
Robert Piscopo żied li fil-leġiżlatura li għaddiet kien jaħdem sew mal-eks-sindku laburista Raymond Tabone – għax minkejja d-differenzi politiċi kienu jaħdmu fl-interess tar-residenti.
“Jien għamilt żewġ leġiżlaturi ma’ Ray Tabone kont naħdem. M’hiex skuża li ma kontx naħdem ma Graziella Galea għax jien kont naħdem ma dawk kollha ta’ rieda tajba.”
Madankollu, l-Avukat Piscopo spjega kif jinsab imweġġgħa, għax wara li b’dispjaċir ħa dan il-pass, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mhux biss m’għamel xejn quddiem din is-sitwazzjoni imma lanqas tkellem miegħu u maz-zewġ kunsilliera l-oħra nazzjonalisti li irrizenjaw.
Żied li żgur li l-aġir ta’ Delia ma jirriflettiex mal-mod ġdid li wiegħed qabel mat-tesserati nazzjonalisti tawh il-fiduċja.
“Bħala mod ġdid, jien kont nemmen li kieku ikollok tliet riżenji fl-istess lokalità. Ma kont nitfa t-tort fuq ħadd. Noqgħod attent xi ngħid u nanalizza sitwazzjoni.”
Agħar minhekk, fi kliem Piscopo, Adrian Delia injora lir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li reġgħu taw il-fiduċja tagħhom lill-partit nazzjonalista sabiex imexxi l-kunsill.
“Iktar milli jinjora lili, injora l-għajta tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar għax fl-aħħar iridu nagħtu rendikont lin-nies ta’ San Pawl il-Baħar. Jekk għandek problema fit-tmexxija trid tindirizza din il-problema.”