Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia baqa’ ma weġibx dwar l-allegazzjoni li kienet saret mill-eks kap tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli dwar aġir kriminali minn deputati Nazzjonalisti.
Portelli kien għamel din l-allegazzjoni fl-ittra ta’ riżenja tiegħu.
Huwa kien kiteb li nies fil-Grupp Parlamentari kienu qed isostnu u jgħinu attività kriminali minn persuni li riedu jeħilsu minn Delia.
Il-gazzetta KullĦadd irraportat il-Ħadd li għadda li l-allegazzjoni ta’ Portellli waslet sal-Kummisarju għall-Istandards George Hyzler li fetaħ investigazzjoni.
Iżda, l-investigazzjoni ma wasslet għal imkien għax kemm Portelli u kemm Delia naqsu milli jikkoperaw.
Meta mistoqsi minn ONE NEWS dwar x’passi se jieħu dwar l-allegazzjoni ta’ Portelli, il-Kap Nazzjonalista qal li m’għandu l-ebda tagħrif dwar allegat aġir kriminali minn deputati tiegħu.
Delia sostna li “Jien m’għandi l-ebda informazzjoni tal-ebda aġir kriminali”.
Dan minkejja l-allegazzjoni ċara ta’ Portelli, li kien l-id il-leminija ta’ Delia meta kien imexxi l-midja Nazzjonalista u li minkejja r-riżenja tiegħu baqa’ jiġi mfaħħar mill-ogħla esponenti qrib Delia waqt il-festi tal-Indipendenza.
Komplejna nistaqsu iżda minflok iwieġeb, Delia implika li kien dan l-istazzjon li qiegħed jagħmel din l-allegazzjoni.
Il-ġurnalist ta’ ONE NEWS: “Il-kumissarju tal-istandards sejjaħlek u inti għitlu li ma tħaltx fil-każ. Issa Pierre Portelli għamel allegazzjoni ċara meta rriżenja mill-kariga li kellu f’Lulju li għadda u qal li kien hemm, allega aġir kriminali minn deputati Nazzjonalisti. Din ħa tħalliha għaddejja bħala l-kelliem tal-governanza t-tajba?”
Delia tenna li “Jekk trid li nitkellmu fuqha, jekk inti għandek dan l-għarfien li hemm xi attività kriminali…”
Il-ġurnalist ta’ ONE NEWS saħaq li: “Mhux jien qed ngħidu, Pierre Portelli”.
Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-programm Franċiż li wera aġenti tal-programm taċ-ċittadinanza b’investiment jiftaħru b’kuntatti ma’ diversi politiċi, Delia qal li l-gvern għandu jinvestiga kull transazzjoni li għamlu dawn l-aġenti u d-ditta li jirrappreżentaw.
Delia temm jgħid li “Irid ikun hemm investigazzjoni minnufih fuq id-ditta”.
Iżda hawnhekk Delia kien ġurnata tard… dan hekk kif, it-Tnejn stess, il-gvern ħabbar li ssospenda minnufih il-liċenzja tal-kumpanija li ssemmiet fil-każ.
Dan filwaqt li twaqqfet kull applikazzjoni pendenti mill-istess kumpanija u li r-regolatur tal-iskema se jiskrutinizza l-applikazzjonijiet kollha relatati ma’ din il-kumpanija.