Meta intervistat mill-ġurnalista ta’ ONE News Nicole Buttigieg, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma riedx jippubblika l-lista ta’ dawk li jinsabu fl-iskema sigrieta taċ-ċedoli li qed tiffinanzja d-dejn ta’ miljuni li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar jiem, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ftaħar li hemm iżjed minn ħames mitt persuna li taw il-miljuni lill-partit f’tal-Pietà.
Mistoqsi minn ONE News min hemm fil-lista taċ-ċedoli, Delia li tant jippriedka fuq it-trasparenza, inħeba wara subgħajh.
Meta mistoqsi: “Riċentament smajt lil Robet Arrigo, il-Viċi-Kap u qal li hemm aktar minn ħames mitt persuna li flimkien tawkom il-miljuni. Peress li inti tippriedka ħafna fuq it-trasparenza, lest li llum wara li nispiċċaw din l-intervista tippubblika l-lista tal-ismijiet tal-persuni li xtraw dawn iċ-ċedoli u tawkom il-miljuni?”
Delia wieġeb: “Irrispettivament illi m’iniex lest jew le huwa illegali li jiena nagħmel hekk għax inkun qed immur kontra.”
L-iskema taċ-ċedoli kienet bdiet taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, b’Delia kompla jintensifika f’din l-iskema sigrieta hekk kif anki saħansitra neħħa l-massimu ta’ €10,000 fi flus li jingħataw f’ċedoli.
Magħfus u skomdu nsaqsuh fuq it-trasparenza fil-partit li jmexxi, Delia qalilna li ma jistax jippubblika l-lista ta’ min qed jagħti l-miljuni għall-Partit Nazzjonalista.
Meta Nicole qaltlu:“Forsi la darba qed nifhmek li mhux se tippubblikaha din il-lista.”
Delia wieġeb:“Le ma nistax mhux m’iniex.”
Meta mbagħad ħabat jiddejjaq insaqsuh fuq iċ-ċedoli, Delia ried ibenġilha.
Delia qal: “Imma mhux dak l-importanti.”
Dwar il-laqgħa tiegħu ma’ Yorgen Fenech f’ikla, li għaliha talab lil dak li llum huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jekk jistax imur bix-shorts, lil Delia staqsejnih hekk:
“Dr Delia meta ltqajt ma’ Yorgen Fenech, tista’ ttini d-data?”
Ir-risposta ta’ Delia kienet: “Le ma nistax intik id-data.”
Huwa sostna: “Ma kinitx importanti għax kienet waħda minn sensiela.”
Delia kien negattiv fuq il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ta’ €900 miljun fejn saħaq li t-tajjeb li hemm, mertu tiegħu.
Hekk għamel ukoll meta kellimnieh fuq kif il-Kummissjoni Venezja laqgħet prattikament ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Gvern Malta favur ir-riformi fil-ġudikatura, it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-governanza t-tajba.
Iżda mbagħad lil Delia kellimnieh fuq il-bojkott li qed jagħmel għall-iskrutinju Parlamentari ta’ nhar it-Tnejn li ġej fuq il-kandidat riferut għall-ogħla kariga fil-Korp.
Hawn hekk Delia reġa’ kien skorrett meta semma l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li hi magħmula minn ħames membri, żewġ membri nominati mill-Gvern u żewġ membri oħra mill-Oppożizzjoni u ċ-Chairman tal-Kummissjoni Louis Naudi li nħatar bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Delia stqarr: “Għax meta tgħodd jekk minn ħamsa għandek tnejn u l-Gvern għandu tlieta mela għaddiet tal-Gvern.”
Nicole qalet: “Jiġifieri għamlu għażla ħażina għax għażlu lil Angelo Gafà.”
Iżda Delia wieġeb: “Assolutament m’hemmx hekk.”
Quddiem kritika kbira li qed jaffaċċja anki mill-midja indipendenti li għamel bħat-tfal meta mhux se jidħol għall-grilling fejn bl-aktar mod liberu jsaqsi l-mistoqsijiet li jidhirlu, Delia qal li ma jridx ikun pastur.
Huwa qal: “Mela jien ħa mmur hemm sempliċiment biex inkun qisni pastur, għażlu l-Gvern.”