Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kkonferma li qiegħed jirrifjuta milli jiddiskuti l-fatt li jinsab fil-qalba ta’ investigazzjoni mill-Pulizija.
Ġimgħa mindu l-ġurnal The Sunday Times ippubblikat storja li Delia qed jiġi investigat b’rabta ma’ allegat każ ta’ ħasil ta’ flus minn briedel f’Soho, Delia baqa’ jirrifjuta li jidher quddiem l-ogħla strutturi tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ikkonfermah Delia nnifsu meta mistoqsi minn ONE NEWS.
Dan meta l-aħbar ilha magħrufa sa mill-ewwel Ħadd ta’ Dicembru.
Dan l-aġir tal-Kap tal-Oppożizzjoni qed jurta mhux ftit lill-esponenti tal-Partit Nazzjonalista. Filfatt l-istess esponenti esprimew ir-rabja tagħhom mal-ġurnali dwar il-mod kif qed jiġi trattat il-Partit Nazzjonalista.
Huma spjegaw kif il-Grupp Parlamentari u l-Kunsill Amministrattiv ma ddiskutew xejn mill-allegazzjonjiet li qed iħammru wiċċ il-Kap Nazzjonalista.
Meta reġa kien mistoqsi għalfejn ma ħassx il-bżonn ta’ diskussjoni fil-Partit tiegħu stess, il-Kap Nazzjonalista ħarab minn fuq l-għatba tal-Qorti u waqqaf lill-ġurnalist milli jkompli jsegwih.
Intant, b’rabta ma’ dawn l-istess allegazzjonijiet il-media tal-Partit Nazzjonalista tinsab għaddejja b’dagħdigħa sħiħa sabiex tipprova tistabbilixxi min hu s-sors wara din l-istorja.
Sfortunatament, minkejja li għamlu aktar minn sena jippriedkaw favur il-libertà tal-espressjoni, il-Partit Nazzjonalista spiċċa jattakka l-midja u jintimida s-sorsi ħalli jwaqqaf lill-ġurnali milli jagħmlu xogħolhom.