Adrian Delia ma jridx juri sens ta’ trasparenza u jwieġeb kemm qed idaħħal bħala avukat li qed itawwal il-proċess biex pajjiżna jkollu faċilità li tiġġenera l-enerġija mill-iskart.
L-eks Kap Nazzjonalista qed jirrapreżenta legalment lill-kumpanija Hitachi, li għal darba darbtejn tilfet il-proċess kompetittiv għal dan il-proġett, iżda xorta għażlet li tressaq appell ieħor fl-aħħar jum permess mil-liġi.
Ir-raġuni ewlenija għala l-kumpanija Hitachi ma ngħatatx dan it-tender pubbliku hija li l-offerta tagħha hija mitejn miljun ewro ogħla mill-offerta li rebħet dan il-proċess – dik tal-kumpanija Paprec Energies International.
F’din l-istorja, l-eks kap nazzjonalista Adrian Delia qed jerġa’ jinqabad f’kunflitt bejn l-interess nazzjonali bħala deputat u l-interess kummerċjali bħala avukat.
Mistoqsi jgħid kemm qed idaħħal minn din id-difiża, Delia għall-ewwel għamel ta’ bieruħu li ma fehemx.
“Ma fhimtekx. Min jitħallas? Inti bħala avukat. Jiġifieri qed titkellem fuq ix-xogħol tiegħi bħala avukat?”
Adrian Delia
Imbagħad Delia qalilna li m’għandux permess li jiddikjara l-ħlasijiet tiegħu.
“M’għandiex awtorità mill-ebda klijent to disclose fees ta’ klijent hu min hu. Huwa unethical ħafna li arrangement li jkollok mal-klijent tiddiskutih fil-pubbliku.”
Adrian Delia
Filwaqt li ma jridx jgħid kemm qed jitħallas biex iressaq dawn l-appelli, Delia qed jippretendi li l-poplu jħallas mitejn miljun ewro iktar billi l-awtoritajiet jippremjaw lill-kumpanija li qed jiddefendi hu.
Dan il-logħob legali mill-eks Kap Nazzjonalista diġà tefa’ lura bi 15-il xahar it-twettiq ta’ proġett kruċjali għal pajjiżna, mhux biss mil-lat infrastrutturali iżda aktar u aktar mill-aspett tas-saħħa pubblika.
Ironikament, il-moħħ wara dawn it-tentattivi huwa propju l-kelliem tal-oppożizzjoni għas-saħħa.
Fis-settur tal-iskart, amministrazzjonijiet Nazzjonalisti kienu dejjem imexxu bil-politika tal-miżbliet, fosthom tal-Magħtab, tal-Qortin f’Għawdex, Wied Fulija fiż-Żurrieq, f’Ħal Luqa u f’Marsaskala.
B’kuntrast, dan il-Gvern beda jieħu bis-serjetà s-separazzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, u issa qed jaħdem fuq il-proġett biex l-iskart ikun riżorsa li minnu niġġeneraw l-enerġija.
Iżda quddiem dan il-proġett, il-Gvern qed isib il-bsaten fir-roti ta’ Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista.