Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed isemmi miżuri mingħajr ma jgħid kemm jiswew, biex jilqgħu għall-impatt ekonomiku li laqat id-dinja kollha riżultat tal-imxija tal-Coronavirus.
Mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News fuq miżura li semma dwar il-ħlas tas-salarji ta’ dawk li jitilfu xogħolhom, il-Kap Nazzjonalista ma lissinx imqar ċifra ta’ kemm se tiswa l-miżura, anki jekk mistoqsi dirett kemm se tiswa.
“Li hu żgur li tiswa kemm tiswa li tħallas 50%.”
Adrian Delia sejjaħ il-ġurnalisti f’konferenza ta’ nofs siegħa li fiha kien negattiv għal passi li qed jieħu l-Gvern fis-sitwazzjoni li laqtet il-pajjiż kawża tal-Coronavirus.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni hi bla direzzjoni.
Il-Partit Laburista qal li wara li fl-aħħar ġimgħat, l-għajta tal-Partit Nazzjonalista kienet li f’dan iż-żmien delikat isir lockdown, mingħajr ma kien konxju tar-riperkussjonijiet li dan jista’ jġib miegħu, issa l-istess Oppożizzjoni ddeskriviet il-pakkett ta’ kważi żewġ biljun ewro f’miżuri għan-negozji u l-familji mħabbra mill-Prim Ministru bħala daħka fil-wiċċ.
“Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jinġarr mal-kurrent u jfajjar miżuri mingħajr lanqas biss jikkalkula ċ-ċifri tagħhom, il-Gvern kommess li dan il-pakkett ambizzjuż u b’saħħtu mhux biss ikun ta’ għajnuna għan-negozji u l-familji iżda wkoll jiggarantixxi serħan il-moħħ u jipproteġi l-likwidità tan-negozji Maltin u Għawdxin u l-ħaddiema kollha li jaħdmu f’pajjiżna”, saħaq il-Partit Laburista.