Id-diskors tal-lum tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien diskors isteriku, u identitiku ta’ kull diskors li kien jagħmel il-Kap preċedenti Simon Busuttil qabel l-elezzjoni, liema elezzjoni wriet biċ-ċar li din hi politika skaduta.
Id-diskors ta’ Delia kien attakk sħiħ lejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, partikolarment l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju, diskors negattiv u mweħħel fil-passat mingħajr viżjoni għall-futur. Fi stqarrija, il-Partit Laburista nnota li Adrian Delia ma qalx kelma pożittiva waħda fuq pajjizna. Anzi, ħinijiet minnhom kien estremist u rigressiv f’diskorsu. Dan mhux dak li qed iħossu l-Maltin u l-Għawdxin fi djarhom, prova ċara ta’ kemm il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa maqtugħ mir-realtà.
B’differenza,il-Partit Laburista jibqa’ pożittiv u kburi b’dan il-pajjiż u bil-Maltin u Għawdxin kollha li grazzi għalihom, pajjiżna reġa’ rreġistra tkabbir ekonomiku li permezz tiegħu jiggwadanjaw il-familji Maltin u l-Għawdxin kollha, kif ser jigri bil-miżura tat-trasport pubbliku b’xejn għall-istudenti kollha. Din hija miżura li minnha il-familji se jfaddlu mas-€700 euro fis-sena.
Intant, il-Partit Laburista qal li jibqa’ jittama li xi darba, il-mod ġdid ta’ Adrian Delia jasal biex ikun verament jista’ jikkontribwixxi għall-ġid tal-pajjiż.