Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li ma jaqbilx mal-Viċi Kap tiegħu Robert Arrigo dwar in-nies li għażel li jiddawwar bihom fil-Partit Nazzjonalista u li fi kliemu Arrigo qed jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
F’konverzazzjoni fuq il-midja soċjali ma’ partitarju Nazzjonalista Robert Arrigo esprima l-frustrazzjoni tiegħu dwar tliet esponenit ewlenin li ddawwar bihom kap Nazzjonalista fosthom Kristy Debono, Jean Pierre Debono u Herman Schiavone.
Mistoqsi minn One News dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ Arrigo, il-Kap Nazzjonalista qal li ma jaqbilx miegħu.
Ma’ dik il-parti li kkwotajtli inti ma naqbilx. Ma naħsibx li l-problema tiegħi hija n-nies ta’ madwari.
Saħansitra għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara l-Viċi Kap Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li n-nies ta’ madwaru jgħinuh u jappoġġjawh.
Jien in-nies ta’ madwari jgħinuni, jappoġġjawni u jaħdmu qatigħ minn filgħodu sa filgħaxija nkluż Robert Arrigo għax huwa wkoll xi ħadd ta’ madwari
Mistoqsi minn ONE NEWS dwar id-dikjarazzjoni tiegħu li jinsab iffrustrat bin-nies li ddawwar bihom il-Kap Nazzjonalista, Robert Arrigo stqarr li l-Partit Nazzjonalista ħa jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.
Irrid nirringrazzja l-fake profile li tani okkazjoni u hadtha ghall-marketing bomba li l -ġurnalisti kollha għamiltu marketing kbir li l-partit nazzjonalista ha jirbah l-elezzjoni.
Mistqosija dwar l-akkuża li għamel kontriha l-Viċi Kap Robert Arrigo dwar il-ħsara li qed tagħmel lill-Partit Nazzjonalista, id-deputata Nazzjonalista Kristy Debono għażlet li żżomm kollox għaliha.
Jiena nippreferi ma nikkummentax
Id-deputat Herman Schiavone li bħal Debono ħadem qatigħ biex Delia jieħu t-tmun tal-partit qal li l-kummenti tal-Viċi Kap Nazzjonalista ma jeħodhomx b’serjetà.
Jiena noħodha lightly
Sadanittant, għadd ta’ deputati nazzjonalisti ħarbu milli jwieġbu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi Kap Nazzjonalista, b’mod partikolari dawk qrib l-ex Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.