Waqt laqgħa taħraq tal-eżekuttiv Nazzjonalista li matulha għażel lil Jean Pierre Debono biex ikun co-opted fil-Parlament spikka ġlied kbir bejn il-fazzjoni ta’ Adrian Delia li rebħet din it-tellieqa b’partit maqsum u l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lil one.com.mt li l-affarijiet eskalaw ħafna fejn f’ħin minnhom il-Kap Adrian Delia qam u lill-eks Viċi-Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qallu, “Kompli iżra’ l-mibegħda!”
Din id-dikjarazzjoni iebsa u li kompliet toħroġ fil-beraħ il-firda wisq kbira li hemm fil-Partit Nazzjonalista saret f’nofs laqgħa tal-eżekuttiv li saħansitra spiċċat mingħajr il-President għaliex fi tmiemha Mark Anthony Sammut xeħet fuq il-mejda r-riżenja.
L-istess sorsi fl-istamperija qalulna li għad-dikjarazzjoni ta’ Delia, Fenech Adami wera wiċċ li mhux ta’ min jagħmillu bżieq fuq imnieħru b’Delia kompla jattakka lil Fenech Adami u qallu, “Kompli bil-conspiracy theories.”
Fenech Adami sab l-appoġġ ta’ Karol Aquilina li kien hu li xegħel l-ewwel xrara nar fil-kwistjoni tas-siġġu ta’ Stellini.
Filfatt waqt din il-laqgħa mimlija kriżijiet għall-Partit Nazzjonalista, Aquilina saħaq “Kulħadd iparla fil-vojt.”
Dan b’referenza għall-fazzjoni ta’ Delia li ma riditx li s-siġġu ta’ Stellini jieħdu Kevin Cutajar.