Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħareġ qatta’ bla ħabel kontra s-servizz ta’ emerġenza permezz ta’ air ambulance li l-Gvern qed iħallas għall-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn kura f’Malta. Fis-seduta parlamentari tal-Erbgħa li għadda, Delia ddikajra li dan is-servizz qatt ma ntuża u l-Gvern qed iħallas għalih eluf ta’ ewro kuljum.
Jumejn qabel fil-Parlament, il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne wieġeb lid-deputat Nazzjonalista Fredrick Azzopardi li mindu beda jingħata s-servzz ta’ air ambulance li hija attrezzata b’tagħmir mediku, erbgħa u erbgħin pazjent Għawdxi nġiebu Malta għall-kura fl-inqas ħin possibbli.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara fil-Parlament li s-servizz tal-air ambulance permezz ta’ ħelikopter għall-pazjenti Għawdxin li jkollhom bżonn kura f’Malta bil-kemm intuża. Saħansitra pprova jagħti l-impressjoni li dan is-servizz essenzjali li jaf ifisser ħajja jew mewt għall-pazjenti, qatt ma ntuża mindu tnieda f’Awwissu ta’ sentejn ilu.
Waqt diskorsu Delia qal: ”…illum dan il-helikopter li s’issa qajla jekk qatt intuza…”
Madankollu, minn tweġiba għall-mistoqsija parlamentari, joħroġ li mindu tnieda s-sevizz xejn anqas minn erbgħa u erbgħin pazjent Għawdxi nġiebu għall-kura f’Malta permezz tal-ambulanza tal-ajru li tinsab ibbażata f’Għawdex stess.
It-tagħrif ingħata mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne lid-deputat nazzjonalista Għawdxi Fredrick Azzopardi.
Is-servizz tal-ġarr tal-pazjenti bejn l-isptar ta’ Għawdex u l-isptar ta’ Malta permezz tal-ħelikopter ambulanza qed jitħaddem minn tobba u infermiera biex jassistu lill-pazjenti tul it-traġitt tagħhom lejn Malta u li permezz tiegħu tnaqqas il-ħin ta’ stennija għat-trasport bejn sptar u ieħor tant li f’ċertu każijiet għamel id-differenza bejn ħajja u mewt.
Peremezz ta’ dan is-servizz, il-pazjent qed jiġi ttrasferiti minn Għawdex għal Malta fl-inqas ħin possibbli u m’għadux jistenna aktar il-wasla ta’ ħelikopter tal-Armata minn Malta kif kien iseħħ fil-passat.
B’reazzjoni għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministru tas-Saħħa sostna li dan is-servizz salva l-ħajjiet ta’ pazjenti Għawdxin:
”Aktar minn hekk il-kap tal-oppozizzjoni qed jitkaza bina għax qed insalvawh il-ħajjiet tan-nies u nħallsu €2,700 kuljum għal ħelikopter. €2,700 tfisser ħajja ta’ persuna u bis-servizz tal-ħelikopter qed innaqqsu ż-żmien tat-traġitt b iżjed minn siegħa u qed jintuża, mhux veru li mhux qed jintuża kull ġimgħa, u savla l-ħajjiet. Aħna għalina l-ħajja tiswa ħafna iktar minn €2,700 kuljum u ma niddejqux nonfquhom fuq l-Għawdxin.