Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed jibqa’ sieket għal kollox fuq l-aġir tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, li saq b’mod perikoluż u pperikola ħajjet pulizija mis-sezzjoni ta’ traffiku.
Filmat esklussiv, li xxandar waqt il-programm Pjazza, wera kif dak li llum huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-governanza Karol Aquilina prova jfixkel skorta ta’ delegazzjoni ta’ Ministru barrani li kien f’pajjiżna. Filwaqt li l-karozzi l-oħra warbu u segwew l-ordnijiet tal-pulizija, waqt li kien qed isuq fi triq li tagħti lejn il-Belt, Aquilina mhux biss daħal f’nofs il-karozzi tad-delegazzjoni, imma saħansitra saq meta id-dwal tat-traffiku kienu juru l-aħmar u ma tax ċans lin-nies jaqsmu.
Għal dan kollu, Adrian Delia għadu ma lissinx kelma waħda, anki jekk dan il-każ qed jiġi investigat mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Saħansitra Adrian Delia deher komdu bl-aġir ta’ Karol Aquilina tant li ħadu miegħu biex jidher warajh waqt li indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn ikkritika l-proposti li ressaq il-Gvern lill-Kummissjoni Venezja.
Proposti li ġabu reazzjoni pożittiva mingħand il-Kamra tal-Avukati, wara konsultazzjoni wiesgħa.
Il-Kamra tal-Avukati kienet qalet li l-Gvern elimina l-klassi politika mill-proċess ta’ ħatriet ġudizzjarji.
Intant warajh Adrian Delia ħa lid-Deputat Nazzjonalista u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi, li sab l-appoġġ ta’ Delia wara li poġġa lis-suldati taħt investigazzjoni.