Taħt ġurament, fuq il-pedana tax-xhieda, Keith Schembri qal li Yorgen Fenech kien qallu li persuna fil-politika kienet tmur tiekol għandu, tixrob, toħroġ kważi fis-sakra u titolbu l-flus.
F’dan il-mument, id-deputat Nazzjonalista u l-avukat Jason Azzopardi beda jgħajjat sabiex Schembri jsemmi l-ismijiet.
Keith Schembri qal li Yorgen Fenech qallu li kien il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Schembri żied jixhed li Delia talab m’għand Fenech €50,000 biex David Casa ma jiġix elett fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Schembri qal ukoll li fl-aħħar tax-xahar Pierre Portelli kien imur għand Yorgen Fenech u jitolbu l-flus.
Qal li Portelli kien ġieli stenna xi siegħa biex jieħu mal-għoxrin elf ewro fi flus.
Żied jgħid li Pierre Portelli anki deher barra Portomaso fejn kien għaddej festin qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Schembri xehed li meta darba mar għand Yorgen Fenech f’Ħaż-Żebbuġ kien hemm l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta imma jaf li drabi oħra kien ikun hemm politiċi u negozjanti.
F’Ġunju tas-sena l-oħra, ftit jiem wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, David Thake, li llum huwa deputat Nazzjonalista kien staqsa dwar allegazzjoni jekk il-partit ta’ Delia ġiex offrut flus biex Casa ma jitlax fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Thake kien semma b’ismu lil Pierre Portelli meta ħarġet din l-allegazzjoni fil-beraħ fuq programm tax-xandir nazzjonali.
Huwa stqarr: “Kemm kien l-ammont li offra Yorgen Fenech lil PN biex Casa ma jiġix elett? Infurmat li offra €50,000.”
Huwa sostna: “Is-sors li għandi jien jikkonfermah , taf li dan huwa corrupt practice?”
F’intervista, nhar is-Sibt, ONE News staqsa l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar il-laqgħa tiegħu ma’ Yorgen Fenech f’ikla, li għaliha talab lil dak li llum huwa s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jekk jistax imur bix-shorts.
Meta kien mistoqsi: “Dr. Delia meta ltqajt ma’ Yorgen Fenech, tista’ ttini d-data?”
Delia wieġeb: “Le ma nistax intik id-data.”
Delia sostna: “Ma kinitx importanti għax kienet waħda minn sensiela.”