Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kkontradixxa lilu nnifsu fi spazju ta’ siegħa.
Fir-reazzjoni tiegħu dwar l-arrest taċ-Chairman tal-Bank Pilatus mill-awtoritajiet Amerikani dwar akkużi li evada sanzjonijiet fl-Istati Uniti, Delia kiteb fuq is-sit soċjali ta’ twitter li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jissospendi l-liċenzja tal-Bank Pilatus. (TWEET ADRIAN DELIA)
Madankollu l-Prim Ministru m’għandu l-ebda awtorità li jagħmel dan għax hija l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji li tirregola s-settur bankarju f’Malta.
Meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ ONE News sabiex jikkwota l-liġi li tagħti l-poter lill-Prim Ministru li jirrevoka l-liċenzja tal-bank, Delia rtira kliemu u qal li l-Prim Ministru m’għandu l-ebda awtorità li jagħmel dan.
Il-prosekuturi qed jgħidu li l-familja taċ-chairman tal-Bank Pilatus li tikkontrolla l-grupp Iranjan Stratus Group kellha proġett li jikkonsisti fil-bini ta’ eluf ta’ proprjetajiet fil-Venezwela.
Dan il-proġett sar wara ftehim bejn l-Iran u l-Venezwela fl-elfejn u erbgħa u l-elfejn u ħamsa li jikkonċerna koperazzjoni bejn iż-żewġ gvernijiet.
Il-Bank Pilatus kien ġie mħajjar biex japplika għal-liċenzja f’Malta minn Gvern Nazzjonalista fl-2012 u ngħata l-liċenzja mill-istess uffiċjali tal-MFSA maħtura mill-istess Gvern Nazzjonalista. (Screen shot illum)
Meta mistoqsi jekk għandux fiduċja fin-nies maħtura minn Lawrence Gonzi fl-MFSA kif ukoll għall-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Delia għażel li jitlaq minn quddiem il-bini tal-Qorti u ma jweġibx.
Intant b’reazzoni l-Partit Laburista qal li kliem Delia nnifsu iġib fix-xejn l-ispin li qed jipprova joħloq il-Partit Nazzjonalista. Saħaq li f’pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt għandna nħallu l-istituzzjonijiet jaħdmu indipendentament.
Qal li wara l-aħbarijiet li ħarġu u li sa issa ma jidhirx li jinvolvu lil Malta, wieħed għandu jħalli dawn l-istituzzjonijiet jaħdmu b’indipendenza.