Jumejn wara li d-deputat Glenn Bedingfield għamel numru ta’ mistoqsijiet fil-Parlament dwar rabtiet li kellhom deputati Nazzjonalisti man-negozjant Yorgen Fenech, spikkat it-tweġiba ma nafx tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma tkellimx mad-deputati tiegħu dwar x’relazzjoni għandhom mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jekk dawn baqgħux jikkomunikaw miegħu anki wara li sar magħruf li huwa s-sid ta’ 17 Black.
Delia stqarr: “Jien ma naf xejn, ma naf b’xejn.”
Adrian Delia li jitkellem ħafna dwar is-sewwa u l-morali fil-politika spiċċa jinħeba wara l-legaliżmi biex jiddefendi din il-qrubija ta’ deputati Nazzjonalisti ma’ Yorgen Fenech.
Huwa sostna: “Jekk xi hadd jaf li kien hemm xi hadd li kellu affarijiet illegali naraw min hu u jittieħdu l-passi minnufih.”
Fost oħrajn saru mistoqsijiet fuq deputat Nazzjonalista li sa ftit ta’ taż-żmien ilu kien imur jittallab lil Yorgen Fenech biex jagħtih kamra fil-lukanda lussuża tal-Hilton. Tqajmu mistoqsijiet ukoll dwar deputati li kienu jorganizzaw festini għand in-negozjant Yorgen Fenech.
L-Onor. Bedingfield stqarr: “Liema hu d-deputat tal-Partit Nazzjonalista illi kien imur sa ftit taż-żmien ilu jittallab lil Yorgen Fenech biex itih xi kamra fil-Hilton jew biex itih il-membership jew idaħħlu fil-pool b’xejn? Jgħidulna minn min minnhom. Hawnhekk jiġi jgħajjarna, imbagħad joħroġ minn hawn u jmur jittallab għal xi kamra jew kien ikollu l-birthday u jkun irid imur jiekol u imbagħad joqgħod over night stay b’xejn naturalment.”
Iżda Adrian Delia lanqas biss staqsa lid-deputati tiegħu, sabiex jara minn fil-grupp parlamentari tiegħu kellu relazzjoni daqshekk fil-qrib ma’ Yorgen Fenech tant li kien jitolbu dawn is-servizzi kollha bla ħlas.
Meta kien mistoqsi: “Saqsejt min hu d-deputat?” Delia wieġeb: “Ma nafx min hu d-deputat.”
Fil-Parlament id-deputat laburista Glenn Bedingfield staqsa wkoll min hi l-persuna li għadha tagħti servizzi legali lill-kumpaniji li Yorgen Fenech għad għandu jew riċentament kellu interess kummerċjali fihom.
Mistoqsi dwar dan, Adrian Delia reġa’ qal li m’għandux idea:
“Min hu d-deputat li l-kumpanija legali toffri servizzi legali lil Yorgen Fenech?” Delia wieġeb: “M’għandiex idea u ma semmit l-ebda, I’m not aware ta’ avukati u ditti li joffrlu servizzi.”
Minn xhieda li ħarġet fil-qorti, Melvin Theuma li xehed bil-proklama qal li Yorgen Fenech qallu li Adrian Delia kien mar jiekol għandu u staqsih jekk jistax jiġi bix-shorts flok bi suit.