Il-Ħamis filgħaxija l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u dak li jrid jeħodlu postu, Bernard Grech kienu fuq il-midja Nazzjonalista.
Spikkaw il-batuti lejn xulxin, fosthom fuq il-fergħat taż-żgħażagħ fil-Partit Nazzjonalista.
F’intervista fuq ix-xandir nazzjonali, il-kandidat għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u ż-żiemel tal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, Bernard Grech indika li kemm il-darba huwa jilħaq Kap tal-Partit huwa se jkun qed iqaċċat waħda mill-fergħat taż-żgħażagħ li teżisti fil-Partit Nazzjonalista.
Grech stqarr: “Iż-żgħażagħ qegħdin f’żewġ għaqdiet għaliex jeżistu żewġ għaqdiet. M’għandux għalfejn jeżistu żewġ għaqdiet.”
Iżda fuq l-istazzjon tiegħu, Adrian Delia, li għandu l-fergħa Team Start warajh, qal li fil-Partit Nazzjonalista irridu noħolqu aktar fergħat u mhux nagħlqu l-fergħat.
Delia saħaq: “Aħna waqqafna din il-fergħa u rridu noħolqu aktar fergħat u mhux ineħħu.”
Fil-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ fazzjonijiet għandhom għaqda taż-żgħażagħ kull waħda leali lejhom.
Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN hija għaqda leali lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil tant li tellqet kampanja biex Delia jitlaq filwaqt li l-għaqda TeamStart hija għaqda oħra taż-żgħażagħ Nazzjonalisti li ħoloq Delia meta laħaq Kap u ddoqq it-trumbetta tiegħu.