Għall-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ċ-ċekkijiet ta’ €11.5 miljun li l-Gvern ta f’rifużjoni f’taxxa lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin bħala ħmerija.
Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li l-Gvern bagħat ċekk lil kull min jaħdem, sew jekk full-time jew part-time bl-ammont imħallas ivarja minn €40 għal massimu ta’ €68, skont id-dħul tal-individwu.
Minn din il-miżura se jibbenefikaw aktar minn 207,000 ħaddiem u ċ-ċekkijiet li Delia qed isejjaħ ħmerija, bdew jintbagħtu min-nofs April.
Din il-miżura tfasslet b’tali mod li dawk li jaqilgħu l-iżjed jieħdu €40 filwaqt li dawk li jaqilgħu l-inqas jieħdu €68. B’kollox f’sentejn, il-ħaddiema se jkunu daħlu f’buthom €23 miljun. Iżda għall-Kap tal-Oppożizzjoni li għamel snin twal biex iħallas it-taxxa dovuta lid-Dipartiment tat-Taxxa, din ir-rifużjoni fit-taxxa mhi xejn ħlief “ħmerija”.