B’referenza għall-konferenza stampa li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Ministeru għal Għawdex jinnota li bil-pożizzjoni li qed jadotta l-Partit Nazzjonalista mhu qed jagħmel xejn għajr milli jxekkel l-iżvilupp ta’ Għawdex u tal-Għawdxin.
Permezz tal-Awtorità għall-Iżvilupp ta’ Għawdex l-Għawdxin għandhom serħan il-moħħ li l-gżira Għawdxija se tara żvilupp sostenibbli, tkattir ta’ aktar impjiegi u tkabbir ekonomiku bi strateġija ppjanata u li se twassal lil Għawdex sas-sena 2030. L-Awtorità se jkollha rwol ċentrali u eżekuttiv f’dan kollu u se tirrevedi dan il-pjan kull 3 snin biex żgur nassiguraw li f’Għawdex ikollna żvilupp sostenibbli u b’ħarsien speċjali lejn l-ambjent naturali distint li jsawwarha.
Preżentament Għawdex qed igawdi minn tkabbir ekonomiku bla preċedent u n-numru ta’ viżitaturi qed kulma jmur jiżdied u fejn il-livell ta’ qagħad hu fl-iktar livelli baxxi li qatt ġew irreġistrati. Dan kollu jista’ jiġi sostnut permezz tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li f’Għawdex mhux qed isiru proġetti kapitali u li dak li ġie mwiegħed ma sarx u dan għad-detriment tal-Għawdxin. Dan waħdu hu ċertifikat ċar kemm Dr Delia hu maqtugħ mir-realtà u ma jafx x’qed jiġri f’Għawdex. Fost il-proġetti ewlenin li bdew u li mexjin b’ritmu mgħaġġel f’Għawdex insibu:
ICT & Innovation Hub fix-Xewkija
Tal-Ħofra Industrial Park fix-Xewkija fejn nhar il-Ġimgħa ġew allokati 11-il inkwelin
Ġnien għall-familja f’Ulysses Grove
Restawr tal-Fanal tal-Ġordan u tal-Mitħna tax-Xewkija
Il-bini tal-Mużew ta’ Għawdex
Il-masterplans u r-riġenerazzjoni ta’ Marsalforn u tax-Xlendi
Ir-riġenerazzjoni tal-Port tal-Imġarr
Il-preservazzjoni ta’ Għar Gerduf
It-tindif u r-riabilitazzjoni ta’ numru ta’ widien f’Għawdex
Il-proġett ta’ decarbonisation permezz ta’ bini ta’ park & ride facility
Aktar minn 40 triq arterjali u residenzjali wħud minnhom ilhom mitluqa minn żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista
L-iskola medika ta’ Barts
Il-proġett ta’ Pjazza San Franġisk li qed jiġi evalwat mid-Dipartiment tal-Kuntratti
Il-proġett tal-Pjazza tax-Xewkija u dik ta’ Sannat
It-Taraġ ta’ San Franġisk li beda x-xogħol fuqu
Ċentru tas-saħħa ġdid u modern fiċ-ċentru tal-Belt Victoria
Il-bidu tal-bini tal-pixxina f’Għawdex, proġett li ilu fuq l-ixkaffa 20 sena
Il-bini ta’ qorti ġdida f’Għawdex fejn saret applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar
Il-bini ta’ SME Park ġdid f’Għawdex fejn saret applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
Dawn huma uħud mill-proġetti kapitali li beda dan il-gvern matul l-aħħar sentejn u li minnhom se jgawdu l-Għawdxin u kull min jifrekwenta din il-gżira.